L-Assoċjazzjoni Anzjani Pensjonanti Nazzjonalisti (A.P.A.N.) hija inkwetata immensament minħabba ż-żmien ta’ kriżi li għaddejjin minnu bil-pandemija kiefra msejħa Coronavirus.
L-anzjani Maltin u Għawdxin żgur li jiftakru fi żminijiet koroħ u kiefra li għaddew minnhom matul l-aħħar 70 sena. Jiftakru xtiewi ħorox u sjuf qliel, jiftakru l-biża kontinwu ta’ gwerra nukleari u l-minaċċi kontinwi tat-tixrid tal-komuniżmu fid-dinja; jiftakru theżżiżiet żgħar f’Malta li għalkemm mhux traġiċi iżda li jbeżżgħuk; jiftakru it-tsunami f’pajjiżi oħra; jiftakru u għadhom jesperjenzaw l-effetti ta’ immigrazzjoni bl-eluf li ghadhom qed jaffettwaw lill-pajjiż. Dawk imbagħad ta’ eta akbar, għalkemm in-numru tagħhom huwa żgħir, jiftakru ż-żminijiet diffiċli tal-aħħar gwerra mondjali.
Imma din t’issa hija realtà terribbli li qatt ma basru li se jkollhom l-esperjenza tagħha. Hija aktar prekarja u perikoluża peress li dan il-virus qerriedi jaffettwa aktar lil nies ta’ eta avvanzata għax huma anqas kapaci jirreżistuh.
F’mumenti diffiċli bħal dawn, l-APAN tixtieq li:
- Twassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama lill-anzjani kollha, huma fejn huma;
- Tagħti ħajr mistħoqq lill-Prof.Charmaine Gauci, lil Dr.Chris Barbara u t-team mediku flimkien ma’ dawk kollha li qegħdin minn ta’ quddiem fil-battalja ħarxa kontra dil-pandemija.
- Tirrakkomanda li kulħadd jagħraf u jobdi d-direttivi mogħtija biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi ta’dan il-virus;
- U fuq kollox tirringrazzja mill-qalb ukoll lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li permezz tal-Kap u l-uffiċjali l-oħra qegħda ssegwi l-ħin kollu l-qagħda mwegħra kull mument, toffri soluzzjonijiet prattiċi biex tittaffa l-effetti tat-tixrid tal-COVID-19, fosthom:
– Il-quarantine leave għandha titħallas kollha mill-Gvern
– Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji, li jiġu capped wara li jkun hemm konsultazzjoni mal-Korpi Kostitwiti, ħalli b’hekk nassiguraw li ma jkunx hawn sensji bżonn.
– Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidità kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
– Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija ħalli b’hekk l-ewwel sitt xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas, u r-rati tal-imgħax ikunu l-inqas possibbli.
– Dan kollu sabiex nimminmizzaw l-effett negattiv ta’ dan il-virus fuq pajjiżna u fuq l-ekonomija tagħna.