Lokali

L-IĠM jappoġġja l-proposta tal-Oppożizzjoni

F’dawn iż-żminijiet diffiċli li Malta, bħall-bqija tad-dinja, għaddejja minnhom minħabba l-pandemija tal-COVID19, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin isellem għaldarboħra lill-ġurnalisti Maltin kollha li bil-ħidma sfieqa tagħhom qed iwasslu lill-pubbliku Malti u Għawdxi laħbarijiet lokali u internazzjonali dwar din l-imxija kiefra kif ukoll aħbarijiet oħra ta’ interess ġenerali.

Min-naħa l-oħra, l-Istitut tal-Ġurnalisti jikkundanna bil-qawwa kollha lil dawk li fuq il-mezzi soċjali tal-komunikazzjoni, ipoġġu u jiktbu affarijiet li ma jkunux ivverifikaw malawtoritajiet tas-saħħa jew ma’ esperti fil-qasam, li jistgħu joħolqu paniku fost il-pubbliku.

L-Istitut jibqa’ jsostni li kulħadd għandu joqgħod għad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u kemm jista’ jkun jibqa’ ġewwa biex dan il-virus ma jkomplix jinxtered fostna.

L-awtoritajiet tas-saħħa għandhom bżonn lilll-ġurnalisti u l-mezzi tal-istampa u x-xandir biex iwasslu d-direttivi u t-twissijiet tagħhom. Għalhekk filwaqt li mill-ġdid isellem lit-tobba infermiera, spiżjara, il-paramediċi u lill-forzi tas-sigurtà li f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli jkomplu jagħtu s-servizz sħiħ tagħhom lejn il-komunità, l-Istitut jitlob li anke l-ġurnalisti għandhom ikunu protetti mhux biss f’saħħithom imma anke fl-impjieg tagħhom li jista’ jintlaqat ukoll mill-kriżi ekonomika li bilfors se tolqot lil pajjiżna.

Ix-xogħol tal-media hu wieħed essenzjali f’kull pajjiż demokratiku. F’ċirkostanzi bħal dawk attwali, is-settur ġurnalistiku isir aktar importanti u sfortunatament anke aktar vulnerabbli ekonomikament.

Għalhekk l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, filwaqt li jappoġġja t-talba li saret ftit jiem ilu, biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha tal-pajjiż ma jistax ma jinnotax u jappoġġja l-proposta li saret illum mill-Oppożizzjoni, biex il-Gvern iwaqqaf Fond għall-Media biex din tkun tista’ tkompli twassal l-aħbarijiet dwar il-Coronavirus u aħbarijiet oħra lill-pubbliku Malti u Għawdxi.

Jekk nemmnu fir-rwol importanti tal-media bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija, din il-proposta għandha ssib l-appoġġ ta’ kulħadd u tkun implimentata malajr kemm jista’ jkun ma’ proposti oħra li diġa’ tressqu lill-awtoritajiet tal-pajjiż.