Coronavirus Lokali

L-SĦPN tappella lill-Gvern biex mill-ftaħir jgħaddi għall-fatti

Filwaqt li pajjiżna, bħall-kumplament tad-dinja għaddej minn kriżi liema bħalha, il-Gvern Malti qed jaħseb li għaddej minn kampanja elettorali bl-akbar ħsieb tiegħu jkun kif se jidher u jinstema’ bombastiku bl-għajnuna li suppost qed joffri lill-ħaddiema, lin-negozji, lill-familji u lill-anzjani Maltin.
U hekk ġara b’dak li offra fil-mini-budget.

Permezz ta’ ħafna titli u numri fuq il-mezzi soċjali, il-Gvern prova jagħti l-idea li se jsolvi l-problemi kollha li l-poplu Malti sab ma’ wiċċu. Iċ-ċifra ta’ €1.81 Biljun tidher sabiħa iżda meta tagħsarha u tifliha issib li għajnuna diretta hi biss ta’ €175 Miljun. Iż-żieda fl-infiq għall-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jkunu jistgħu jikkumbattu l-COVID-19 hija biss ta’ 35 miljun.  Għal ħaddiema f’diffikultajiet sa €320 fix-xahar.

Tajjeb inħarsu fuq fuq lejn l-għajnuna li qed joffru wħud mill-gvernijiet ta’ madwar id-dinja:

Il-Gvern Ingliż ħabbar li mhux se jkun hemm limitu fil-fondi sabiex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema u se jibdew jgħoddu mill-bidu ta’ Marzu għax-xhur li hemm bżonn. F’pass bla preċedent, il-Gvern Ingliż se jkun qed iħallas 80% tal-pagi tal-ħaddiema biex dawn ma jitkeċċewx u qed jinġetta £350 biljun f’għajnuna lin-negozji waqt il-lockdown.

Il-Gvern Daniż se jkun qed iħallas 75% tal-pagi tal-ħaddiema filwaqt li dak Franċiż se jkun qed iħallas 84% tal-pagi tal-ħaddiema u obbliga lil min iħaddem sabiex dawk kollha li se jitilfu l-impieg minħabba dil-kriżi, jerġgħu jsibu posthom kif jgħaddi kollox.

Il-Gvern Ċek ukoll se jkun qed jiħallas 80% tal-pagi tal-ħaddiema. Fil-Ġermanja, l-gvern federali qiegħed f’diskussjonijiet biex iħabbar injezzjoni ta’ €356 Biljun fl-ekonomija sabiex jkun jista’ jipprovdi sapport lill-poplu tiegħu.

Iżda f’pajjiżna l-inċentivi qegħdin għal ħaddieħor bħal StewardHealthcare li se jkunu qed jieħdu €70 miljun din is-sena biss. U l-poplu Malti mhu se jkun qed jieħu xejn mingħandhom f’dan il-mument daqshekk vulnerabbli.


SĦPN issaqsi wkoll għala l-Gvern għadu ma raħħasx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-fuel b’iktar min-nofs meta l-prezz taż-żejt qiegħed $20-il barmil. Din ukoll tkun għajnuna diretta lill-poplu Malti u lin-negozji. Inħeġġu wkoll lill-Gvern sabiex jinċentiva lill-dawk il-familji li uliedhom qed ikollhom isegwu privatijiet online u li għalihom iridu jħallsu ħafna flus minħabba li l-iskejjel jinsabu magħluqin.

SĦPN tfakkar lill-Gvern li l-ħaddiema u l-familji issa jriduha l-għajnuna. Mill-ftaħir u l-propoganda issa għandu jgħaddi għall-fatti minnufih. Is-surplus għandu jintuża għas-serħan il-moħħ tal-poplu tagħna. Huwa biss fl-għaqda li negħlbu din is-sitwazzajoni diffiċli. SĦPN flimkien mal-Unions kollha tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem tħares ‘il quddiem sabiex noħorġu minn din il-kriżi mill-iktar fis.