Coronavirus Lokali

Mit-Tnejn li ġej il-BOV se jerġa’ jiftaħ il-fergħa f’Tal-Ibraġ

Il-Bank of Valletta ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej se jerġa’ jiftaħ il-fergha f’Tal-Ibraġ. Il-fergħa kienet ingħalqet fuq miżura ta’ prekawżjoni kontra t-tixrid tal-COVID 19, wara li persuna impjegata mal-Bank ħassitha ma tiflaħx.

Il-Bank assigura lill-klijenti tiegħu li saru t-testijiet kollha meħtieġa u l-istess testijiet irriżultaw fin-negattiv, u għaldaqstant l-istess fergħa ġiet iddikjarata sigura biex tiftaħ għall-pubbliku.

Fi stqarrija l-BOV qal li dan ma jnaqqas xejn mill-miżuri li l-bank qed ikompli jieħu fl-interess tal-klijenti u l-impjegati waqt li jibqa’ jinkoraġixxi l-użu ta’ mezzi diġitali għall-pagamenti u ġbid ta’ flus kontanti. Il-Bank ħeġġeġ ukoll biex il-fergħat jintużaw biss f’każijiet urġenti ta’ bżonnijiet bankarji.

Barra minn hekk, il-Bank talab lill-klijenti biex jirrispettaw is-saħħa ta’ xulxin u li jżommu d-distanza ta’ mill-anqas metru waqt li jkunu fil-kju.

Tags