Ambjent Lokali

Residenti, Kunsill Lokali u Għaqdiet jingħaqdu biex isalvaw il-Bajja tal-Balluta

Sebgħa u tmenin appellant, inkluż il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, residenti u l-għaqdiet Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Futur Ambjent Wieħed, Green House u Moviment Graffitti ingħaqdu flimkien biex jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex il-Bajja tal-Balluta titħalla tinbidel f’port għas-servizz tal-Captain Morgan u ta’ katamarani privati oħra.

“Dan huwa żmien diffiċli għal pajjiżna”, qal kelliem f’isem l-appellanti, “imma aħna sodi fl-impenn tagħna biex insalvaw il-Bajja tal-Balluta milli ssir port ieħor. Din hija żona uffiċjalment għall-għawm u tabilħaqq waħda mill-ftit bajjiet li baqa’ fejn il-pubbliku jista’ jgħum, jogħdos, jirkeb il-kajak u jgawdi l-bajja mingħajr ħlas. B’katamaran enormi dieħel u ħiereġ mill-bajja 21 darba kuljum dan kollu jkollu jieqaf, għax il-bajja se ssir perikoluża. 

L-applikant jista’ faċilment jipproponi biex il-moll ikun rilokat f’post ieħor fejn ma jsirx għawm. Għalfejn dejjem irid ikun il-pubbliku li jċedi l-ispazji pubbliċi miftuħa? Aħna se nibqgħu niġġieldu biex il-pubbliku jibqa’ jgawdi din il-bajja”.