Futbol Sport

Sean Cox jirritorna lura mal-familja tiegħu

(Ritratt: EPA)

Il-partitarju ta’ Liverpool Sean Cox reġa’ rritorna lura mal-familja tiegħu fl-Irlanda wara li sentejn ilu safa’ attakkat min partitarji ta’ Roma fejn sofra ġrieħi serji f’moħħu. Missier ta’ tlieta, Cox iltaqa’ mal-kowċ ta’ Liverpool Jurgen Klopp meta f’Novembru li għadda għall-ewwel darba wara l-inċident reġa’ rritorna f’Anfield. Waħda minn uliedu f’messaġġ fuq il-midja soċjali qalet li din il-ġurnata kienet ferm mistennija mill-familja tagħha.

Minkejja li t-triq biex jirkupra kompletament għadha twila dan il-pass kien ferm importanti għalih. Hi kompliet billi rringrazzjat lil membri tal-isptar fejn kien rikoverat. F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet is-sena l-oħra, inġabru €748,000 li marru għal Sean Cox Rehabilitation Trust. Simone Mastrelli kien ikkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li ammetta li kkaġuna attakk fil-konfront tal-partitarju ta’ Liverpool.