Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Sitwazzjoni ‘apokalittika’ fl-Italja: imutu kważi 800 persuna f’ġurnata waħda biss

Sitwazzjoni deskritta bħala appokalissi! L-ikbar ammont ta’ vittmi fl-Italja minn mindu faqqa dan il-virus qerriedi fil-pajjiż ġar tagħna.

Dan hekk kif il-vittmi fl-Italja issa jitilgħu għal 4,825.  Fl-aħħar 24 siegħa biss tilfu ħajjithom kwazi 800 persuna, bil-maġġorparti tagħhom fir-reġjun tal-Lombardia. Il-każi ta’ dawk pożittivi għal dan il-virus issa telgħu għal iktar minn 53,578 persuna.

Filmati li xxandru fuq il-media internazzjonali juru l-istat xokkanti ta’ kif jinsabu l-isptarijiet fl-Italja, partikolarment fir-reġjun tal-Lombardia… tobba u infermiera li qed jaħdmu kuljum sabiex ilaħħqu mal-ammont ta’ pazjenti li qed ibatu minn dan il-virus. Fost oħrajn tispikka d-dieqa tagħhom hekk kif il-pazjenti qed jispiċċaw imutu waħedhom għaliex il-familjari ma jistgħux ikunu magħhom fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom.

Fi Spanja, jiżdied l-allarm hekk kif il-każi qed jiżdiedu b’mod mgħaġġel. S’issa tilfu ħajjithom iktar minn 1,370 persuna, filwaqt in-numru ta’ każi issa tela’ għal kważi 25,400.

Il-vittmi fi Franza issa telgħu għal 450 persuna filwaqt li dawk pożittivi jammontaw għal iktar minn 12,600 każ.  

Min-naħa l-oħra fir-Renju Unit sissa kienu reġistrati kważi 4,000 każ, b’dawk li tilfu ħajjithom jammontaw għal 177. Diversi professjonisti tas-saħħa fir-Renju Unit qed jaraw tibdil fis-sintomi ta’ dan il-virus. Da hekk  kif kienu rappurtati li kien hemm persuni li ttestjaw fil-pożittiv fejn l-uniċi simtoni li kellhom kienu nuqqas ta’ xamm u togħma, mingħajr ma kellhom sintomi ta’ sogħla u deni.

Immorru issa l-Amerka, fejn it-tixrid ta’ dan il-virus qiegħed jiżdied hekk kif s’issa hemm iktar minn 22,000 persuna li rriżultaw fil-pożittiv filwaqt li l-vittmi jammontaw għal 282 persuna.

Interessanti l-fatt li għalkemm il-Ġermanja għandha kważi 21,900 każ ta’ COVID 19, in-numru ta’ mwiet għadu pjuttost baxx… 77 persuna biss.

Fiċ-Ċina, il-pajjiż minn fejn oriġina dan il-virus qattiel, il-każi ġodda tista’ tgħid li kważi spiċċaw għal kollox hekk kif fl-aħħar 24 siegħa kienu reġstrati biss 40 każ. Dan filwaqt li l-ammont ta’ dawk li fiequ issa tela’ għal kważi 72,000 persuna.S’issa madwar id-dinja diġà tilfu ħajjithom kważi 12,800….. bil-każi ta’ dawk pożittivi issa tela’ għal kważi 297,500. Aħbar xi ftit jew wisq pożittiva hi li s’issa fiequ iktar minn 94,500 persuna.