Lokali

Caritas f’kuntatt ma’ dawk l-aktar fil-bżonn

Ħafna drabi li tisma’ vuċi ta’ xi ħadd ikellmek huwa ta’ konfort għax telefonata taf tkun ta’ sostenn għal dawk li jinsabu weħidhom

Appell biex il-pubbliku jibqa’ sensittiv u jaħseb fil-familjari u wkoll ġirien anzjani jew vulnerabbli f’dan iż-żmien ta’ sfida għas-soċjetà

Hekk kif hija tassew ta’ dieqa kbira li l-kuntatt dirett ma’ persuni vulnerabbli u dawkl-aktar li jeġtieġu għajnuna kellu jitnaqqas drastikament, tim imħarreġ ta’ professjonisti qed jibqa’ xorta waħda jkun viċin dawn il-persuni biex il-Caritas qed tibqa’ taġixxi għal kull bżonn. Caritas mill-ewwel sabet l-istaff pront jaddatta għal dawn iċ-ċirkustanzi. Iżda li diġà qed tħoss il-Caritas Malta hu li qed ikun hemm impatt fuq is-saħħa mentali, qed tinħoloq l-ansjetà u wkoll il-biżà ta’ “ma nafux x’se jiġri għada” u dik toħloq ħafna inċertezza.

Dwar kif il-Caritas qed tilqa’ għal dan iż-żmien straordinarju u ta’ sfidi kbar l-aktar għal dawk li huma vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, il-mument tkellem ma’ Marica Cassar, Uffiċjal tal-Caritas għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, li fissret li peress li Caritas Malta topera s-servizzi tagħha mill-binja tal-Kurja tal-Arċisqof, u s-Sibt 14 ta’ Marzu tħabbar li l-Kurja se tagħlaq bħala prevenzjoni minħabba l-coronavirus, inħasset il-ħtieġa li Caritas tibqa’ f’kuntatt ma’ dawk l-aktar persuni vulnerabbli u li jiġu bżonn l-għajnuna. 

Hija dieqa kbira li l-kuntatt dirett ma’ persuni kellu jitnaqqas drastikament. Għalhekk permezz ta’ tim imħarreġ li jinkludi, psikologi, psikoterapisti, counsellour u social worker, persuna tista’ ċċempel jew tibgħat email fuq numri apposta li se jkunu qed jintużaw għal dan is-servizz. Barra minn hekk, in-numru li ħafna jċemplu jużaw għal Caritas 25906600, issa għandu answering machine li tinfurmak b’dawn in-numri u kif tagħmel kuntatt magħna.

L-iktar kuntatt prattiku mal-Caritas huwa li wieħed jagħmel telefonata, naraw il-bżonn tal-persuna u naġixxu għal dak il-bżonn. Klijenti li kienu jiġu regolari għat-terapija, fejn hu possibbli se jsir kuntatt magħhom permezz ta’ webcam. Għandna wkoll persuni li jagħmlu kuntatt magħna permezz tal-website caritasmalta.org jew inkella permezz tal-facebook page Caritas Malta, fejn hemm forsi persuna tħossha iktar komda li tibgħat messaġġ miktub.

Marica Cassar fissret li Caritas qed jagħmlu li jistgħu biex ikomplu  jilħqu lil dawk li għaddejja minn problema ta’ solitudni b’mod speċjali lil anzjani. Qed jippruvaw nilħqu wkoll dawk li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jixtru l-affarijiet bażiċi u permezz ta’ kuntatti li Caritas għandha mal-food bank qed jigwidaw lil dawn il-persuni. Fejn hemm bżonn għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali, dan qed jingħata wkoll permezz tal-mezzi teknoloġiċi lil dawn il-persuni. Caritas mill-ewwel sabet l-istaff pront jaddatta għal dawn is-sistemi u hemm min qed jaħdem mid-dar bil-mezzi kollha li għandu bżonn biex jagħmlu effiċjenti.

Għall-mistoqsija dwar jekk kienx hemm żieda fit-talbiet għall-għajnuna, Marica Cassar qalet li għadu ftit kmieni biex ngħidu li kellna żieda fit-talbiet, però ninsabu mħassba dwar persuni li se jitilfu l-impjieg tagħhom, dwar persuni barranin li se jitwaqqfu mix-xogħol u jew jintbagħtu lura lejn pajjiżhom wara li jkunu xi ftit jew wisq issetiljati hawnhekk. Li huwa nnutat hu li peress li qed ngħixu żminijiet straordinarji, qed ikun hemm impatt fuq is-saħħa mentali, qed tinħoloq l-ansjetà u wkoll il-biżà ta’ “ma nafux x’se jiġri għada” u dik toħloq ħafna inċertezza.

Il-persuni vulnerabbli diġà kienu għaddejja minn ħafna tbatijiet, u bil-mod kif qed jiżviluppaw is-sitwazzjonijiet l-impatt ekonomiku jaf jolqot faxxa ta’ persuni li se jġarrbu problemi finanzjarji biex jgħixu huma u l-familja immedjata tagħhom. Dan se jġib mhux biss tbatija fiżika imma wkoll impatt fuq is-saħħa mentali ta’ dawn il-persuni u Caritas qed tħejji s-servizz tagħha biex tkun tista’ tagħti sapport lil dawn il-persuni.

L-appell biex in-nies jibqgħu d-dar bħala miżura ta’ prekawzjoni, qed iħalli wkoll l-impatt tiegħu. Marica Cassar spjegat li fost il-persuni vulnerabbli hemm dawk li jinsabu weħidhom u l-anzjani. Il-miżura li nibqgħu d-dar qed iġġib inkwiet u tensjoni fuq dawn il-persuni għall-fatt li se jsibu ruħhom iktar weħidhom u tikber l-ansjetà li jistgħu ma jsibux għajnuna. U f’dawn iċ-ċirkostanzi, Caritas tixtieq twassal il-messaġġ li tixtieq tkun iktar qrib dawn il-persuni. Ħafna drabi li tisma’ vuċi ta’ xi ħadd ikellmek huwa ta’ konfort;  dak kif ukoll xi bżonnijiet bażiċi Caritas tista’ tindirizzah. Dan ukoll jista’ jsarraf f’wens u serħan il-moħħ.

Caritas, ukoll permezz tal-istaff, qed iżżomm lir-residenti infurmati bil-prekawzjonijiet kollha li qed jinfurmaw l-awtoritajiet tas-saħħa. F’kull dar ingħataw il-prodotti bħal sanitizers, wipes, ingwanti, maskli u dak li hemm bżonn bħala miżuri ta’ saħħa. Caritas qed tiddiskuti u tippjana biex fl-eventwalità ta’ lockdown, ikun hemm staff li jkun jista’ jgħix fid-djar 24/7 magħluq mar-residenti.

Caritas Malta hija affilijata ma’ Caritas Europa li tikkonsisti f’49 organizzazzjoni fl-Ewropa u Caritas Internationalis b’169 pajjiż fid-dinja li ġġib lil Caritas bħala t-tieni l-ikbar organizzazzjoni umanitarja fid-dinja. Fil-kuntatti ma’ Caritas Roma, Marica Cassar fissret li qed naraw li Malta tidher li qed tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Qed nistaqsu wkoll x’qed jagħmlu organizzazzjonijiet li jgħinu persuni homeless biex inkunu nistgħu nippjanaw kif se nimxu fix-xelters li Caritas tamministra permezz tal-proġett Dar il-Hena – proġett bejn il-Gvern, il-Knisja u The Alfred Mizzi Foundation. Għaddejja diskussjoni dwar Dar Papa Franġisku u Dar Marija Dolores li jagħtu ikel u jospitaw lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom. L-ikel bħalissa qed jingħata ppakkjat u persuni jingħatalhom dan il-pakkett tal-ikel minn barra.

Caritas qed tesperjenza ħafna persuni altruwisti. Hawn atmosfera ta’ sapport u qed tispikka l-identità tagħna l-Maltin li nxammru l-kmiem biex inkunu hemm għal ħaddieħor. Dan qed jinħass anki minn messaġġi li ħafna qed iħallu fuq il-mezzi soċjali tagħhom fejn qed jistaqsu kif jistgħu jkunu ta’ servizz għall-vulnerabbli. Caritas tħossha grata għall-istaff tagħha, li vvolontarjaw anki mill-ħin tagħhom u wrew flessibbiltà biex isir dak possibbli u jaddattaw għall-bżonnijiet.

F’appell lil dawk l-aktar vulnerabbli, Caritas temmen li dan huwa mument li bħala soċjetà għandna ningħaqdu u forsi anki permezz ta’ telefonata li nagħmlu lill-anzjani tagħna jew persuni li għandhom diversi bżonnijiet. Telefonata taf tkun ta’ sostenn għal dawk li jinsabu weħidhom u f’mumenti bħal dawn Caritas tinkoraġġixxi lil klijenti tagħha u lil dawk li għaddejja minn xi problema li ma tiddejjaqx tagħmel kuntatt fuq in-numri li ngħataw. Appell biex il-pubbliku jibqa’ sensittiv u jaħseb fil-familjari u wkoll ġirien anzjani jew vulnerabbli f’dan iż-żmien ta’ sfida għas-soċjetà tagħna.