Coronavirus Internazzjonali

Aktar minn 300,000 każ madwar id-dinja, bil-vittmi jaqbżu t-13,000 fuq livell globali

Il-vittmi ta-coronavirus (Covid-19) komplew jitilgħu fl-aħħar sigħat bl-istatistika tikkonferma ‘il fuq minn 300,000 każ ta’ infezzjoni madwar id-dinja – flimkien ma’ aktar minn 13,000 mewta mill-konsegwenzi tal-infezzjoni. Dan meta 93,000 pazjent irkupraw mill-effetti tal-Covid-19.

Mike Ryan, id-direttur eżekuttiv tal-Programm għall-Emerġenzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li trid tgħaddi ‘talanqas sena’ għall-iżvilupp ta’ tilqima għall-coronavirus. Madankollu, Ryan spjega li kien hemm ‘progress’ fl-iżvilupp tat-trattamenti għall-mediċina effettiva, meta bħalissa għaddejjin numru ta’ provi.

Fl-istess ħin, hu importanti li t-tobba jitħallew jiżviluppaw il-provi li t-trattamenti għall-Covid-19 huma tassew effettivi u ma jħallux side-effects perikolużi fil-ġisem.

Sadanittant, l-awtoritajiet fi Spanja rappurtaw 394 imwiet ġodda mill-coronavirus mis-Sibt ‘il hawn, bit-total tal-vittmi, fuq bażi nazzjonali, jitla’ għal 1,720. Iż-żieda hi wkoll sinifikanti wara li s-Sibt kienu reġistrati 324 mewta oħra fost l-Ispanjoli.

Fi Spanja kienu anki kkonfermati ‘il fuq minn 3,600 każi ġodda tal-marda. Dan meta l-pajjiż għandu t-tielet l-ogħla numru ta’ każi tal-coronavirus fid-dinja wara l-Italja u ċ-Ċina. Il-maġġoranza tal-mejtin kienu rappurtati f’Madrid meta fl-aħħar sigħat ittella sptar temporanju fis-sit ta’ ċentru għall-konferenzi fil-kapitali Spanjola,

Is-Segretarju Britanniku għall-Komunitajiet, Robert Jenrick, qal, sadanittant, li – minkejja li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, tenna li l-pajjiż jista’ jassumi kontroll tas-sitwazzjoni ‘fi tnax il-ġimgħa’ – ħadd mhu jaħseb tassew li l-kriżi se tintemm f’dan il-perjodu.

Hu kompla li l-Gvern ta’ Londra qed jieħu l-aħjar passi possibbli fil-konfront tal-virus qattiel waqt li ħarġet twissija biex ħadd ma juża t-trasport pubbliku ( inkluż it-Tube) f’Londra dment li ma jkunx assolutament essenzjali.

Filwaqt li l-Britanniċi qed ikunu mwissija biex jevitaw il-kuntatti soċjali minħabba l-firxa rapida tal-virus, spikka wkoll l-appell ta’ Boris Johnson biex iċ-ċittadini fir-Renju Unit ma jżurux lill-maħbubin tagħhom għal Jum l-Omm li qed ikun ċelebrat illum — u biex in-nies jiftakru dejjem fl-importanza tas-social distancing.

Johnson wissa wkoll biex ħadd ma jwassal għal sitwazzjoni fejn is-servizzi tas-saħħa lokali jispiċċaw mgħarrqin u megħluba’ b’kaġun ta’ spinta allarmanti ta’ infezzjonijiet.

L-Iskozja kkonfermat tliet imwiet oħra mill-coronavirus, bit-total ta’ mejtin f’dan il-pajjiż jitla’ għal għaxra. Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li l-ħajja, illum, mgħandhiex titqies bħala normali u ħeġġet biex kulħadd jagħti każ il-pariri għal safe distancing fuq żewġ metri. L-Iskozja, issa qed tattivi l-poteri ta’ emerġenza biex jingħalqu l-bars u l-pubs fl-artijiet tagħha.

Fl-Indja, mijiet ta’ miljuni qed jibqgħu d-dar b’reazzjoni għas-sejħa tal-Gvern biex ikun hemm lockdown bħala l-aħjar miżura biex tingħeleb it-trasmissjoni tal-coronavirus. Dan waqt li curfew effettiv għal erbatax-il siegħa qed iwassal għall-ibliet abbandunati u ‘qoxqox min-nies’. It-titjiriet domestiċi waqfu wkoll, bil-ferroviji tal-Indja jwaqqfu s-servizzi tal-passiġġieri kollha sal-aħħar tax-xahar.

Il-każi tal-coronavirus fil-kontinent tal-Afrika, fi tmiem il-ġimgħa, qabżu l-1,000, bl-Uganda tirrapporta l-ewwel każ tal-Covid-19 u bir-Rwanda qed taħseb biex testendi lockdown ta’ 14-il jum wara li saret l-aktar pajjiż Afrikan b’każi ta’ infezzjoni (17).

Filwaqt li l-Iran mill-ġdid irrapporta żieda fl-infezzjonijiet u l-imwiet mill-Covid-19, l-Ayatollah Ali Khamenei – il-mexxej suprem tal-pajjiż – ċaħad l-offerta tal-Istati Uniti biex tgħin lill-Iranjani jikkumbattu l-coronavirus. Khamenei irrefera għall-Istati Uniti bħala ‘l-akbar għadu tal-Iran’ waqt li rrefera wkoll għat-teorija ‘li l-Amerikani kienu responsabbli għal din il-pandemija’.