Il-Forum tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tal-Partit Nazzjonalista jinsab iddispjaċut u ddisgustat li l-esponent tal-Partit Laburista Manuel Cuschieri infexx f’tgħajjir lejn in-negozji waqt programm fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista. Manuel Cuschieri irrefera għan negozjanti Maltin bħala nies egoisti, nies bla rispett u bħala nies li jeqirdu. In-negozjanti Maltin jixtiequ jgħarrfu lil-Gvern li l-ikbar interess tagħhom bħalissa huwa li jsalvaw l-impjieg ta’ eluf ta ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat. It-tgħajjir u saħansitra theddid lejn it-30,000 imprenditur Malti, li bosta minnhom kellhom iwaqqfu temporanjament l-operat tagħhom, mhux f’waqtu f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Dan huwa żmien fejn il-Gvern suppost qiegħed jaħdem id f’id mal-imprendituri Maltin biex isalvaw l-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk ukoll il-Gvern għandu minnufih jilqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni li:
- L-quarantine leave għandha titħallas kollha mill-Gvern.
- Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tas-salarji, li jiġu capped wara li jkun hemm konsultazzjoni mal-Korpi Kostitwiti, ħalli b’hekk nassiguraw li ma jkunx hawn sensji bżonn.
- Il-Gvern għandu jidħol hu mas-settur bankarju, illi diġà nafu li teżisti likwidità kbira fil-banek tagħna, li naslu għal arranġament biex jiġu posposti l-ħlasijiet fuq il-faċilitajiet tas-self.
- Fl-istess ħin jinħoloq pakkett ta’ self ġdid għal min jeħtieġlu, fejn il-Gvern jagħmel tajjeb bħala garanzija ħalli b’hekk l-ewwel sitt xhur ikun hemm moratorju tal-ħlas, u r-rati tal-imgħax ikunu l-inqas possibbli.
Manuel Cuschieri jidher li mhux infurmat biżżejjed dwar il-kontribut imprezzabbli li n-negozji żgħar qed iħallu fuq l-ekonomija. Minkejja t-tibdil fl-aħħar snin u l-introduzzjoni ta’ niċeċ ġodda, studju tal-Bank Centrali jikkonferma li huma xorta n-negozji ż-żgħar l-akbar kontributuri u dan għaliex dawn joħolqu diversifikazzjoni fl-ekonomija li twassal għal aktar stabbilità. Għaldaqstant jeħtieġ ngħinu u niżguraw futur għan-negozji żgħar, mhux ninsulentawhom.
//= $special ?>