Coronavirus Lokali

Il-biża’ tal-COVID-19 f’Malta taħkem lil dawk bla saqaf fuq rashom

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jitolbu biex noqgħodu ġewwa f’djarna u noħorġu biss ghall-bżonn… iżda x’jagħmlu dawk li jgħixu barra?

Raġel ta’ 43 sena, li xtaq li l-identità tiegħu ma tixxandarx, tkellem ma’ Net News dwar is-sitwazzjoni tiegħu u ta’ ħafna oħrajn… li fi kliemu “qishom ma jeżistux.”

Bħal ħafna, il-Coronavirus qed ibeżżgħu. Iżda mhux biss minħabba s-saħħa tiegħu… hemm ukoll il-fatt li dawk li jgħixu barra jistaw ixerdu dan il-virus intortament.

Bħalissa d-djar ta’ kenn jinsabu kollha mimlijin, b’numru ta’ foqra m’għandhomx saqaf fuq rashom, fosthom grupp ta’ tmien persuni li għal xhur sħaħ din l-istess persuna qattgħet il-ġranet magħhom…. inkluż ħuh.

Il-persuna li tkellem magħna qalilna li din is-sitwazzjoni li spiċċaw fiha mhux għax riedu huma jew għax ma jixtiequx jaħdmu, iżda minħabba dawk li sejjah “iċ-ċirkostanzi tal-ħajja”.

Hu qal li ma jaf lil ħadd li jista’ jgħinu biex tal-anqas b’mod temporanju jingħata saqaf fuq rasu sakemm tgħaddi din il-pandemija.

B’hekk, qed jitlob intervent tal-awtoritajiet.

Meta tkellem magħna, hu għamel appell lin-nies biex jimxu mal-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Muntaġġ: Beverly Abela