Internazzjonali

Il-coronavirus fl-Italja: Miżuri aktar stretti għar-reġjun tal-Lombardija

Ir-reġjun tal-Lombardija introduċa miżuri aktar stretti f’tentattiv biex, b’xi mod, jikkontrolla l-isplużjoni tal-coronavirus li wasslet għall-mijiet tal-mejtin f’’dan ir-reġjun biss.

Taħt il-liġijiet ġodda, l-isport u kull attività fiżika fuq barra – anki fuq bażi individwali – mhumiex qed ikunu aktar permessi. Il-miżuri ġodda qed jipprojbixxu wkoll l-użu tal-vending machines mill-pubbliku.

Il-passi qed jittieħdu wara li l-Italja, fil-lejl tas-Sibt, irrappurtat 800 mewta bil-coronavirus – biċ-ċifra tal-vittmi mill-Covid-19 fl-aħħar xahar, tlaħħaq mal-4,825 fil-pajjiż u li hi l-ogħla fid-dinja.

Il-Lombardija hi l-agħar reġjun affettwat fl-Italja, bi 3,095 mewta mill-coronavirus.

Il-miżuri ġodda ta’ emerġenza tħabbru mill-President tal-Lombardija, Attilio Fontana, meta, fl-aħħar sigħat, in-negozji kienu mitluba jwaqqfu s-servizzi kollha, ħlief għall-provvisti li huma assolutament essenzjali.

Qed jieqaf ukol ix-xogħol fis-siti tal-bini, ħlief għal dawk li qed jaħdmu fuq l-isptarijiet, it-toroq u l-ferroviji.

Fl-istess ħin spiċċaw sospiżi s-swieq kollha li jsiru fil-miftuħ, f’kull tmiem il-ġimgħa.

L-Italja, s’issa, ikkonfermat total ta’ 53,578 każi tal-coronavirus, b’madwar 6,000 pazjent ifiequ.

Il-Lombardija ilha taħt lockdown mit-8 ta’ Marzu u l-Gvern Taljan kien qed jittama li seta’ jara ‘xi ftit riżultati pożittivi’ f’dan ir-reġjun. Madankollu, in-numru tal-infezzjonijiet u imwiet baqgħu jiżdiedu fir-reġjun partikulari.

Issa, mistenni li l-ispiżeriji, is-supermarkets, l-uffiċini tal-posta u l-banek se jibqgħu miftuħin, bit-trasport pubbliku jkompli. Minkejja l-miżuri introdotti sallum, in-numru tal-każi ġodda u l-imwiet fil-Lombardija komplew jiżdiedu.

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, fisser din is-sitwazzjoni bħala l-aktar kriżi diffiċli li l-Italja kellha tiffaċċja minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Sadanittant, Conte spjega li l-Gvern tiegħu għandu ‘inaqqas il-magna produttiva tal-pajjiż’ iżda mhux se jwaqqafha fid-dawl tas-sitwazzjoni.