Internazzjonali

Il-coronavirus ifisser ‘shutdown’ għall-Awstralja

L-Awstralja, fl-aħħar sigħat, kienet qed tagħlaq is-servizzi mhumiex essenzjali, meta l-każi tal-coronavirus qed jiżdiedu b’rata rapida fil-pajjiż.

Issa qed jingħalqu l-pubs, il-gymnasiums, il-clubs u postijiet għad-devozzjoni (knejjes) waqt li r-ristoranti u l-kafeteriji se jkollhom joffru biss servizzi ta’ takeaway.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, ħabbar ir-restrizzjonijiet wara laqgħa għall-kabinett fuq bażi nazzjonali. Dan wara li n-numru tal-każi tal-Covid-19 fl-Awstralja żdiedu sew fl-aħħar jiem – biċ-ċifra, sal-bieraħ, taqra 1,315, b’sitta jmutu mill-effetti tal-infezzjoni.

L-Istat ta’ New South Wales – li jinkludu l-belt ta’ Sydney – spiċċa l-agħar affettwat, b’533 każi kkonfermati. L-Istat ta’ Victoria, li għandha l-belt ta’ Melbourne bħala kapitali, kellu 296 każ, b’260 każi oħra tal-coronavirus ikunu rappurtati fl-Istat ta’ Queensland.

Ir-restrizzjonijiet ġodda jridu jwasslu għall-għeluq ta’ ħafna negozji, iżda se jkomplu jaħdmu s-supermarkets, l-istazzjonijiet tal-petrol, l-ispiżeriji, u s-servizzi għal home delivery.

Waqt li Scott Morrison qal li jixtieq iħalli l-iskejjel miftuħin, il-ġenituri se jkunu jistgħu jżommu lil uliedhom id-dar jekk jixtiequ li jagħmlu dan. Fl-istess ħin, numru ta’ Stati Awstraljani, fosthom l-Istat ta’ Victoria, indikaw li jridu jagħlqu l-iskejjel.

Il-miżuri ġodda ttieħdu wara li folol kbar ta’ nies, fi tmiem il-ġimgħa, iffullaw il-bajjiet (inkluż ta’ Bondi) f’Sydney  bi sfida sfaċċata għar-regoli dwar social distance.

Intant, il-Gvern federali u l-Gvernijiet tal-Istati deċidew li jieħdu azzjoni minħabba li numru ta’ Awstraljani ma kenux qed jobdu r-regoli —  madankollu, Morrison qal li ‘l-awtoritajiet mhumiex qed jinfurzaw lockdowns li jġiegħlu lin-nies jibgħu d-dar bilfors’.