Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-Kamra tal-SMEs titlob aktar appoġġ ekonomiku mill-aktar fis

Għall-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji, il-miżuri mħabbra llum mill-Gvern mhux akkumpanjati bl-appoġġ ekonomiku meħtieġ, bħalma għamlu pajjiżi Ewropej oħrajn. Dan minkejja li esprimiet kummenti pożittivi dwarhom.

Fi stqarrija, il-Kamra nnotat li n-negozji li jipprovdu prodotti u servizzi mhux essenzjali ilhom diversi jiem li ddeċiedew waħedhom li jagħlqu l-bibien minħabba li mhux ikollhom klijenti u biex jevitaw riskju mhux meħtieġ għall-impjegati u klijenti tagħhom.

Il-Kamra qalet li din hi mossa oħra li tqarreb lill-pajjiż għal-lockdown assolut. Dan meta l-Ispiżjara u l-operaturi tal-ikel u oħrajn għadhom jaraw li dawn il-prodotti essenzjali jibqgħu jaslu għand il-konsumaturi fil-ħin.

Min-naħa l-oħra, il-Kamra qalet li l-Gvern għandu jkun ċar dwar liema negozji se jkunu qed jitħallew ikomplu jiftħu u liema le. Fost l-oħrajn, għandu jkun iċċarat ukoll jekk in-negozjanti jistgħux jaħdmu wara bibien magħluqa.

Il-Kamra temmet li l-pressjoni li bħalissa qed tilqa’ fuqha l-ekonomija hi inkwetanti, tant li tibqa’ l-ħtieġa għal mekkaniżmu ta’ rispons b’emerġenza.