Lokali

IL-KATAVRU TAT-TALJAN FIĊ-ĊIRKEWWA: Ommu temmen li inqatel

Għaddejja investigazzjoni fl-Italja dwar il-każ ta' Manuel Giovannelli

Il-Procura ta’ Ancona qed tinvestiga l-każ misterjuż ta’ Manuel Giovanelli; ir-raġel Taljan li fil-bidu ta’ dan ix-xahar kien instab mejjet fiċ-Ċirkewwa f’ċirkostanzi mhux ċari.

Il-Ħamis li għadda saret awtopsja oħra mill-awtoritajiet Taljani fuq il-katavru ta’ Giovannelli. Dan sabiex jiġi stabbilit eżatt jekk il-vittma mietx qabel jew wara li spiċċa fil-baħar.

Kien il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu meta ttella’ l-katavru ta’ Manuel Giovannelli mill-baħar fiċ-Ċirkewwa – proprju fiz-zona tat-terminal tal-vapur ta’ Għawdex. Giovanelli kellu 42 sena u kien ġie rrappurtat nieqes fil-5 ta’ Marzu.

Il-katavru tal-vittma, li hu veterinarju, kien ittella’ mill-baħar permezz ta’ patrol boat tal-AFM, f’ħidma koordinata mal-Pulizija.

Iċ-ċertifikat tal-mewt li ħareġ minn Malta jindika li Giovannelli miet bid-daqqa li ħa fuq rasu meta waqa’ fil-baħar. Iżda ommu, Anna Grossi, temmen li binha inqatel. U kien għalhekk li infetħet investigazzjoni separata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur f’Ancona.

Il-familja għadha qed tistenna l-eżitu tal-awtopsja li saret din il-ġimgħa fl-Italja, u kien għalhekk li d-difna għadha ma saritx.

L-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija f’Malta għadhom għaddejin.