Futbol Sport

Il-klabbs ta’ Manchester jingħaqadu għall-karità

(Ritratt: The Independent)

Manchester City u Manchester United ingħaqdu flimkien biex taw €108,000 f’donazzjoni lil The Trussell Trust. Din il-fondazzjoni tgħin persuni li m’għandhomx x’jieklu f’Manchester. Kull klabb ta’ €54,000 biex jikkompensaw għat-telf li qiegħed isir mill-bejgħ tal-biljetti għal waqt il-logħbiet minħabba li l-logħob fl-Ingilterra jinsab sospiż sa mill-inqas it-30 ta’ April.

Normalment dawn il-gruppi jiġbru ikel qabel il-partiti tat-timijiet rispettivi tagħhom. F’messaġġ konġunt maħruġ miż-żewġ klabbs qalu li huma kburin bil-partitarji tagħhom fl-għajnuna li jagħtu biex jinġabar l-ikel u d-donazzjonijiet. Huma rrimarkaw ukoll li minħabba l-pandemija tal-coronavirus il-pressjoni fuq dawn il-gruppi se tiżdied.

F’mumenti diffiċli i-żewġ timijiet jinsabu sodisfatti li ngħaqdu għal dan il-ġest nobbli. The Trussell Trust għandha madwar 1,200 fergħa madwar l-Ingilterra, b’dsatax minnhom fi Greater Manchester.