Lokali

Il-Kriżi Corona: Nikkontrollaw ruħna! – Dr Mark Xuereb

Il-bidla fil-klima tad-dinja u ż-żieda fl-ivvjaġġar u fl-iskambji internazzjonali ffaċilitaw il-pandemiji infettivi u l-frix tal-mikrobi minn pajjiż għal ieħor u minn kontinent għal ieħor. Il-COVID-19 hi infezzjoni kkawżata min-novel coronavirus u nstabet f’Diċembru tal-2019. Bħalissa qed tolqot aktar minn 140 pajjiż, u qed tqanqal tħassib dwar il-paniku li qed jinfirex u l-ansjetà li qed tikber fost in-nies li l-aktar huma esposti għar-riskju tal-virus. Bħal f’kull infezzjoni oħra, huma meħtieġa l-istess prekawzjonijiet universali għas-sigurtà u biex ma jkunx hemm aktar trażmissjoni. Skont ċerti għejun, iżda, il-COVID-19 hu theddida li bħalha ma rajna qatt u mhux waħda tas-soltu, u dan issokta kabbar il-paniku, l-istress, u l-potenzjal għall-isteriżmu, skont ma nkiteb fis-Psychiatric Times u bnadi oħrajn.

Il-pandemiji mhumiex biss fenomenu mediku. Fuq bosta livelli, jolqtu lill-individwi u lis-soċjetà u jħarbtu l-buon ordni. L-istigma u l-ksenofobija huma żewġ uċuħ tal-impatt tat-tfaqqigħ infettiv pandemiku fuq is-soċjetà. Il-paniku u l-istress huma marbutin ukoll. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif in-nies tara t-theddida (mhux kif fil-fatt tkun), in-nies tibda tiġma’ l-maskri u proviżjonijiet mediċi oħrajn. Ta’ sikwit, imbagħad, ikun hemm tendenzi marbutin mal-ansjetà, tħarbit fl-irqad, u stat ta’ saħħa ġenerali li jinħass agħar. Nies b’mard mentali jafu jkunu partikolarment vulnerabbli għall-effetti tal-firxa tal-paniku u t-theddid.

Il-mard kroniku, inkluż il-mard kroniku infettiv bħat-tuberkoliżi (il-mard tas-sider) u l-virus tal-immunodefiċjenza umana (HIV), hu assoċjat ma’ livelli ogħla ta’ disturbi mentali meta mqabbel mal-popolazzjoni inġenerali. Ir-rati ta’ dipressjoni normalment jiżdiedu wara l-infezzjoni (eż., l-espożizzjoni għall-biżgħat mill-herpes u mill-anthrax).

L-epidemiji jwasslu għall-istigmatizzazzjoni tal-individwi milqutin, ta’ nies li jkunu fl-awtorità, u ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa; hu ta’ niket li din it-tendenzi rajnieha f’bosta pajjiżi u ma’ bosta aġenti infettivi. Fil-każ tal-COVID-19, l-irġiel u n-nies Asjatiċi, u ċ-Ċiniżi b’mod partikolari, huma l-vittmi tal-istigma u l-ksenofobija soċjali, f’livelli għoljin ta’ politiċizzazzjoni u theddid online u b’mod personali. Bħalma jiġri f’bosta każi ta’ stigma, minħabba f’tagħrif limitat u valutazzjonijiet imgħaġġla u unidimensjonali, kif ukoll minħabba fir-rispons formulajku, iseħħ dal-proċess. Hu imperattiv li l-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari l-psikjatri, jaġixxu ta’ leħen ir-raġuni u jgħinu fit-tixrid ta’ tagħrif li jkun tabilħaqq imsejjes fuq l-evidenza.

“In-nuqqas ta’ fiduċja medika” jirreferi għal nuqqas ta’ fiduċja fit-trattament mediku u fl-avvanzi f’dat-trattament. Dan-nuqqas iwassal għal użu iżgħar tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa u ta’ nuqqasijiet f’kif wieħed jieħu ħsieb il-kondizzjoni ta’ saħħtu (flimkien ma’ użu ħażin potenzjali matul il-kriżijiet). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ fiduċja medika ntużat biex tfisser xi wħud mill-avariji fil-kura tas-saħħa skont ir-razza u l-etnija. Instab li hu marbut ma’ varjetà ta’ mard u kundizzjonijiet, inklużi l-kankru, l-awtiżmu, u l-HIV. In-nuqqas ta’ fiduċja medika kien marbut mat-teorija tal-konġuri matul pandemiji infettivi. Fi studji minnhom, magħmul fl-Istati Uniti, kważi nofs minn dawk li wieġbu l-mistoqsijiet tal-istħarriġ ħaddnu twemmin f’mill-anqas teorija waħda ta’ konġura. Fl-estrem tiegħu, in-nuqqas ta’ fiduċja medika jista’ jwassal għal movimenti bħall-moda ta’ kontra t-tilqim, li hi marbuta ma’ tfaqqigħ tal-ħożba.

Il-nuqqas ta’ fiduċja fl-organizzazzjonijiet mediċi jista’ jsaħħaħ l-istigma u l-perċezzjoni ta’ diskriminazzjoni u jwassal biex dak li jkun ma jimxix kif imiss mar-rakkomandazzjonijiet marbutin mas-saħħa li jirċievi. Il-kliniċi marbutin iżomm preżentazzjoni xjentifika, imsejsa fuq il-fatti, u newtrali tar-rakkomandazzjonijiet filwaqt li jisħqu dwar l-importanza tal-prattiċi ta’ kontroll ta’ kull infezzjoni wara li jkun għadda l-COVID 19.

It-tim tal-Kriżijiet (Maltese Crisis Team) jantiċipa l-effetti tat-theddidiet tal-mard infettiv li joħorġu fl-għamla ta’ ansjetà u paniku: it-tħassib ta’ teħid ta’ infezzjoni, it-tħassib ta’ teħid ta’ mard mill-għeżież, u t-tħassib dwar il-preżenza ta’ sintomi marbutin mal-infezzjoni – ukoll sintomi minuri. In-nuqqas ta’ trattament definittiv għall-corona virus malajr jaf iwassal għat-tkabbir fl-ansjetà. F’bosta każi, das-sintomi ta’ ansjetà ma jaslux sa livelli dijanjostiċi. B’dan kollu, ir-riassikurazzjoni u l-edukazzjoni jibbenefikaw kemm lill-imħassbin u kemm lill-pazjenti li għandhom xi tip ta’ marda mentali pre-eżistenti.

L-ossessjonijiet bil-kontaminazzjoni – tħassib mhux mixtieq u deffiesi li dak li jkun hu maħmuġ u jeħtieġlu jinħasel, jitnaddaf, jew jisterilizza ruħu – huma komuni ħafna fil-pazjenti OCD. L-esperjenza perċettivi (ngħidu aħna, li wieħed iħoss il-ħmieġ fuq il-ġilda) m’għandniex xi ngħidu jkabbru l-ossessjonijiet. L-esperjenzi sensorjali (imma mhux bilfors alluċinazzjonijiet tal-mess) instab li jeżistu fi kważi 75 fil-mija tal-pazjenti OCD. Esperjenzi sensorjali aktar intensi (il-psewdo-alluċinazzjonijiet) huma assoċjati ma’ kontroll aktar dgħajjef tal-kompulsjonijiet u ħila anqas li wieħed jifhem tassew x’inhu jiġri.

It-theddida tal-pandemiji infettivi tista’ faċilment tkabbar il-kompulsjonijiet tat-tindif u l-ħasil, li huma wkoll aspett ewlieni tal-OCD. Il-komplikazzjonijiet eċċessivi fit-tindif jinkludu ġilda xotta u maqsuma (li tista’ twassal għal aktar infezzjonijiet) u dermatite tal-kuntatt u atopika. Bl-istess mod, l-użu eċċessiv ta’ prodotti tat-tindif tossiċi jaf iwassal għal ġrieħi fl-apparat tan-nifs. Il-biża’ minn marda ġdida u sensazzjonalizzata jaf ikabbar l-imġibiet negattivi. Il-kliniċi psikjatriċi, psiko-dermatoloġiċi, u tal-kura primarja marbutin joqogħdu b’seba’ għajnejn għal problemi potenzjali f’pazjenti OCD.

Skont l-istejjer li nisimgħu, l-aktar eżempji ċari (u forsi anki interessanti) ta’ nuqqas ta’ fiduċja medika tat-teoriji tal-konġuri huma tal-pazjenti li jkollhom diżordnijiet psikotiċi. Tipikament, jekk wieħed ikun espost ripetutament għall-media fejn għandu x’jaqsam ma’ ġrajja allarmaneti (f’dal-każ, it-tifrix tal-corona virus), flimkien man-nuqqas ta’ fiduċja fl-organizzazzjonijiet u fil-gvern, kif ukoll l-miżapproprjazzjoni tas-sintomi fiżiċi, dan kollu jista’ jwassal għall-illużjonijiet. B’mod simili, il-biżgħat malajr jistgħu jwasslu għal dekumpens kliniku u dan jeħtieġ li jkun immonitorjat b’reqqa.

Jintefa’ aktar ħatab fin-nar meta jkun hemm diskussjoni fil-media dwar teoriji tal-konġuri marbutin mat-tfaqqigħ ta’ infezzjonijiet bħalma huma l-HIV u l-Ebola. In-nuqqas ta’ għarfien dwar l-epidemiji, iż-żieda fl-infezzjonijiet zoonotiċi, u l-effetti pjuttost kumplessi tal-bidla fil-klima jafu jaffettwaw lill-pazjenti kif ukoll jikkonfondu persuna f’saħħita b’mod komplet.

Imbagħad, f’dak il-punt fejn il-psikożi tiltaqa’ mal-ossessività, hemm il-parassitożi deliranti, magħrufa wkoll bħala monosymptomatic hypochondrial psychosis, is-sindrome ta’ Ekbom, u infestazzjoni deliranti. Li jiġri hu li l-pazjent jibda jemmen li hu infestat b’organiżmu li ma tistax tarah jew titfejjaq minnu u għalhekk jikkawżaw tbatija bla heda. Das-sindrome ilu li ġie deskritt saħansitra mill-1636, minn Sir Thomas Browne, li rreferi għalih bħala l-marda ta’ Morgellons. Karatteristika klinika tal-infestazzjoni deliranti hi li toħroġ f’aktar minn membru wieħed tal-istess familja.

L-iżvilupp tal-infestazzjoni deliranti fil-kuntest tal-pandemiji għadu ma kienx suġġett ta’ studju. Jafu jiżdiedu l-każijiet hekk kif aktar individwi jiffokaw fuq infezzjonijiet impossibbli jew improbabbli minħabba fl-aċċess faċli għal tagħrif mhux verifikat fl-internet. Biex jindirizzaw il-parassitożi deliranti, il-kliniċi marbutin jeskludu l-kawżi organiċi u jirriassikuraw lill-pazjent li ma hemm l-ebda infezzjoni jew infestazzjoni.

It-tqaffigħ tal-COVID-19 qed jitma’ l-biża’ soċjali li hu ferm akbar mit-theddida tal-virus fiżiku nnifsu, kif qed naraw f’Malta stess. F’livell ta’ individwu, l-ansjetà u s-sintemi jixbħu lil tal-psikożi jafu jitkattru b’mod differenzjali kif ukoll iwasslu għal problemi mentali mhux speċifiċi (eż., problemi ta’ burdata, problemi ta’ rqad, imġibiet jixbħu l-fobija, sintomi jixbħu l-paniku). Hu kruċjali li kulħadd jimxi mal-prattiki tajbin tal-kontroll tal-infezzjoni u li kulħadd jgħin lill-komunità tiegħu jżomm komunikazzjoni ċivili, edukata u razzjonali. Livell baxx ta’ suspett ta’ għawġ mentali jaf jgħin biex il-problema tinstab b’mod bikri u jingħata trattament u b’hekk tkun evitata ħafna tbatija għall-pazjenti.

Ix-xjenza t-tajba hi kruċjali għas-saħħa mentali ta’ soċjetà. Studju ppubblikat ġimgħa ilu f’The Lancet Journal minn Zhou u oħrajn jagħti l-perspettiva t-tajba għall-infezzjoni virali. Dawn studjaw 193 pazjent mill-isptarijiet ta’ Wuhan u Jinyinta fiċ-Ċina. Ir-riżultati huma ċari: id-dgħajfin u l-kbar fl-età huma l-aktar li jeħtieġu l-ħarsien. Il-fatturi ta’ riskju jinkludu d-demenzja, il-kankru, iz-zokkor li mhux ikkontrollat tajjeb, il-mard tal-qalb, in-nutrizzjoni ħażina, is-sistemi immunoloġiċi dgħajfin, u mard tal-pulmun gravi. Pazjenti mentali xjuħ huma partikolarment vulnerabbli għax mhux dejjem jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Hu hawnhekk li rridu nidderiġu biċċa kbira mir-riżorsi tagħna.

Ma ninsewx li kriżi ġġib magħha tbatija ekonomika u li n-nies jafu jweġġgħu kemm fiżikament kemm psikoloġikament. Niftakru li għad li kriżi bħal din hi temporanja, taf twassal għas-suwiċidju u għas-self-harm. Għalhekk hu vitali li lkoll naħdmu flimkien bħala tim u nieħu ħsieb wieħed tal-ieħor. Noqogħdu attenti mill-aħbarijiet foloz. Ma nossessjonawx ruħna billi nikkakmaw quddiem il-midja soċjali. Niksbu t-tagħrif it-tajjeb minn għejun awtorevoli u ngħinu lil oħrajn billi nżommuhom kalmi. Ngħixu ħajjitna kemm jista’ jkun b’mod normali. Nistgħu nirbħulha dil-kriżi: billi noqtlu t-tħassib żejjed u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess. Bħalissa kulħadd hu mistieden jidħol membru tal-Crisis Team ħalli ngħinu wieħed lill-ieħor. Ejja bħala ġens nuru li nistgħu negħlbuha dil-kriżi u nikkollaboraw mal-linji-gwida tagħna li huma maħsubin tajjeb. Ejja nikkontrollawha dil-kriżi, u ndawru f’opportunità biex nikbru u nsiru nies aħjar.

Jekk inti jew xi ħadd mill-għeżież tiegħek qed titħabtu ma’ dak li għaddej, toqogħdux tbati fis-skiet. Fittxu l-għajnuna: hawn l-esperti lesti jgħinu 24/7. Ċemplulna fuq il-linja tagħna ta’ kriżi 24/7, bla ħlas (+35699339966) jew sibuna fuq Facebook – Crisis Resolution Malta. Taf tkun qed issalva ħajja.