Coronavirus Sport

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jeskludi li l-Olimpjadi se jitħassru

(Ritratt: EPA)

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali eskluda li se jħassar l-Olimpjadi f’Tokyo u jibqa’ jittama li l-Logħob ikomplu kif skedat. Iżda fi stqarrija mill-President Thomas Bach, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali aċċetta li jikkunsidra għażliet ta’ posponiment minħabba l-coronavirus. Id-deċiżjoni finali hi mistennija fi żmien erba’ ġimgħat oħra.

F’ittra lill-atleti, Thomas Bach qal li hemm titjib sinifikanti fil-Ġappun u dan isaħħaħ il-kunfidenza tagħhom li jaċċertaw li jistgħu jorganizzaw l-Olimpjadi filwaqt li jirrispettaw is-saħħa ta’ kull min se jkun involut. “Fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandna llum, deċiżjoni finali dwar id-data tal-Olimpjadi għadha prematura.” Bach kompla li posponiment illum ma jistax jiddetermina data ġdida għal-Logħob Olimpiku minħabba żviluppi li mhux ċari.

“Qed naħdmu iebes u ninsabu kunfidenti li nagħlqu dawn id-diskussjonijiet fl-erba’ ġimgħat li ġejjin,” kompla Bach. Filwaqt li deċiżjoni biex il-Logħob jiġu posposti ġiet differita, din l-istqarrija tirrappreżenta bidla fil-ħsieb fil-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, hekk kif qabel qatt ma ngħatat indikazzjoni li tkun ikkunsidrata bidla fid-dati. Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li fl-ebda ċirkostanza l-Olimpjadi mhux se jitħassru għaliex fi kliemu “teqred il-ħolma Olimpika ta’ 11,000 atleta mill-Kumitati Nazzjonali Olimpiċi kollha.” Dan minħabba li skont Bach din id-deċiżjoni ma ssolvi l-ebda problema u ma tgħin lil ħadd.