Lokali

Il-Mewt traġika ta’ Miriam Pace

L-awtoritajiet għandhom juru biċ-ċar il-prijoritajiet tagħhom

Il-Kummissjoni Ambjent fil-Kurja ta’ Malta tħoss li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet juru biċ-ċar fejn huma l-prijoritajiet tagħhom u b’kuraġġ jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli li messhom ilhom li ttieħdu.

Minkejja li jistgħu jkunu skomdi għal xi wħud, dawn id-deċiżjonijiet jagħmlu ġieħ lill-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni għax il-memorja ta’ Miriam Pace, u ta’ dawk kollha li b’xi mod spiċċaw vittma tal-industrija tal-bini ma jixirqilhomx inqas minn hekk.

Il-Kummissjoni ddikjarat dan f’opinion paper dwar il-mewt qasir il-għomor ta’ Miriam Pace li mhix l-unika waħda li seħħet minħabba prattiċi abbużivi fl-industrija tal-bini.

Tfisser li huwa ta’ qsim il-qalb tara residenti li tilfu djarhom, oħrajn li ndarbu, jew saħansitra li spiċċaw mirduma taħt it-terrapien, imma wkoll ħaddiema, fosthom ħafna barranin, li x’aktarx ma jkollhomx għażla ħlief li jagħmlu kull tip ta’ xogħol li joffrulhom, u li b’xorti ħażina niftakru fihom biss meta xi ħadd minnhom imut fuq il-lant tax-xogħol.

Fis-sottomissjonijet tagħha fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolamenti marbuta ma’ Prattiċi ta’ Skavar u Kostruzzjoni, fl-2019, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) esprimiet it-tama li r-regolamenti li kienu qed jiġu proposti ma jkunux attentat populista biex il-pubbliku jiġi impressjonat li kienet qed issir xi ħaġa.

Il-KA tqis bħala skandlu kbir il-fatt li l-Building Regulation Office għażel li jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jżomm hu stess reġistru tal-kuntratturi.

Ikkritikat ukoll il-fatt li għal żmien twil, l-awtoritajiet semgħu biss mill-kuntratturi u l-hekk imsejħa “żviluppaturi”. L-awtoritajiet u l-kuntratturi/żviluppaturi saru qishom il-kelliema ta’ xulxin, filwaqt li d-drittijiet u l-opinjonijiet ta’ stakeholders oħra ġew injorati.

Appellat lill-Gvern jagħmel riforma sħiħa fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika. Kull bidla proposta f’regolamenti li għandhom x’jaqsmu mal-bini, ippjanar u l-ambjent għandhom ikunu ġustifikati bil-miktub fid-dokument li joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. Fissret ukoll li t-telf kontinwu fil-valur tal-kwalità tal-ħajja f’żoni urbani u tal-ambjent naturali huma frott ta’ sistema politika li spiċċa żmienha.

Il-KA tħoss li l-influwenza li l-industrija tal-bini għandha fuq il-partiti politiċi u fuq il-politiċi nfushom jeħtieġ tkun imrażżna. Il-kwistjonijiet tal-finanzjament tal-partiti politiċi u s-salarji tal-membri tal-Parlament għandhom ikunu fuq l-aġenda nazzjonali. Il-KA ilha żmien twissi lill-awtoritajiet dwar il-ħtieġa li l-ġid u l-benesseri komuni jingħataw l-ogħla prijorità biex pajjiżna jgawdi żvilupp tassew sostenibbli.

Iddijarat ukoll li l-frażi “żvilupp sostenibbli” issa forsi saret l-iktar frażi abbużata fil-lingwaġġ politiku, l-aktar fejn jidħol l-ippjanar tal-iżvilupp.

Matul is-snin, kompliet il-KA, bil-ħsieb li tkun pro-business u mhux pro-person, u minkejja l-assikurazzjonijiet li tat, l-industrija tal-bini wriet biċ-ċar li la hi kapaċi tiġġenera prodott li hu sostenibbli u lanqas kapaċi tirregola lilha nnifisha.

Il-KA appellat lill-kuntratturi onesti biex isemmgħu leħinhom u jinfluwenzaw it-tibdil tant meħtieġ fl-industrija. Appellat lil dawk li jbigħu l-art li għandhom jirriflettu fuq l-azzjonijiet tagħhom għax imbagħad, wara li jkunu biegħu, għalxejn iħossuhom ixxukkjati u skandalizzati bil-bini li jitla’ fuq l-art, jew flok il-bini, li jkunu biegħu. Dan l-appell japplika għas-sidien kollha ta’ artijiet żgħar jew kbar, individwi u kumpaniji, Gvern, entitajiet tal-Knisja u ordnijiet reliġjużi.