Lokali

Il-miżuri li ħabbar Robert Abela mhux biżżejjed – MaltaToday

“Malta ser tispiċċa fi gwerra ekonomika – Abela irid iqum mir-raqda”

Il-miżuri li ħa l-Prim Ministru Robert Abela sabiex jaġevola lill-kummerċ Malti u jgħin lill-ħaddiem ma ħallew ebda impatt pożittiv għas-serħan il-moħħ taċ-ċittadin Malti u Għawdxi.

Hekk ingħad fil-ħarġa tal-Ħadd tal-MaltaToday fejn ġie spjegat li filwaqt li l-COVID-19 qed jhedded lill-Gżejjer Maltin flimkien mal-ekonomija dinjija, il-karba ta’ Robert Abela sabiex il-poplu ma jarax dan il-virus bħal pesta falla miżerjament b’lockdown sfurzat fuq il-poplu mingħajr ma’ kien imħabbar vis a vis il-pressjoni qawwija fuq is-settur tas-saħħa li inevitabilment din il-kriżi ġabet magħha.

Fl-editorjal ingħad li l-Gvern Laburista għandu jħaffef il-pass sabiex iħallas dawk il-ħaddiema li spiċċaw qiegħda b ‘mod ġust kif ukoll iħallas għall-manutenzjoni waqt li kollox jinsab magħluq.

Ingħad li l-Gvern Malti għandu jieħu spunt mid-Danimarka u r-Renju Unit li aġevolaw bil-kbir lill-ħaddiema u lin-negozji fejn fost oħrajn il-Gvern Daniż, fit-tlett xhur li ġejjin, ser ikun qed ikopri 75% tal-pagi ta’ dawk il-ħaddiema li ħobżhom jinsab mhedded filwaqt li l-Gvern Brittaniku ser ikun qed iħallas 80% tal-pagi fuq paga kkalkulata ta’ £2,500.

Dawn il-miżuri bla ebda preċedent daħlu fis-seħħ fi żminijiet li ftit rajna bħalhom fl-aħħar 100 sena, fejn l-għixien bażiku huwa mhedded bil-kbir. Għaldaqstant, Robert Abela kien mistenni li jħabbar miżuri li jagħtu nifs lill-ekonomija Maltija iżda minflok qed iġġiegħel lill-kumpaniji Maltin jidħlu f’aktar dejn, bil-banek s’issa għadhom ma’ ġewx mitluba jnaqqsu r-rata t’interess tagħhom.

Fl-editorjal ġie spjegat li tali obbligu finanzjarju fl-aħħar tal-kriżi tal-Coronavirus, ċertament li mhux ser tgħin lin-negozji sabiex jirkupraw b’pass ħafif. Ingħad ukoll li t-talba tal-Unjins għall-għajnuna finanzjarja li tkopri nofs il-pagi mhux xi talba ta’ barra minn hawn meta wieħed iqis is-surplus li għamlet l-ekonomija Maltija fl-aħħar snin madanakollu l-Gvern Malti jidher li huwa aktar interessat iżomm idejh lura mill-but u jqiegħed lill-ħaddiema jirreġistraw għal xogħol. B’din ir-rata, kompla l-editorjal, Malta ser tispiċċa fi gwerra ekonomika.

Intqal ċar u tond, iswed fuq l-abjad, li Robert Abela irid iqum mir-raqda għax il-ħsara ser tkun waħda kbira. Il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru tal-Finanzi tiegħu, Edward Scicluna ma jridux jibżgħu jonfqu jekk l-għan iservi ta’ stimolu għall-ekonomija tal-pajjiż.

Jekk ma jittieħdux il-passi neċessarji, fl-editorjal intqal li minn riċessjoni żgħira ser nimxu għal dipressjoni enormi. Intqal li jekk Malta titlef il-ħwienet iż-żgħar li ma jdawrux miljuni tal-ewro fl-ekonomija Maltija imma jsostnu mat-30 familja, ser nkunu qed neqirdu r-relazzjonijiet soċjo-politiċi tal-pajjiż.

Ġie spjegat li l-Gvern għandu bżonn jassisti b’mod konkret lin-negożji kemm fuq ħlas ta’ kera, ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma, djun mal-bank u ħlasijiet ta’ assigurazzjoni neċessarji sabiex jinżamm in-negozju tagħhom fil-wiċċ f’dan il-mewġ mqalleb li ġab miegħu Covid-19.

Finalment, ingħad li fi kliem sempliċi biex il-poplu ma jħossx daqqa finanzjarja kbira irid jinvesti konkretament fil-bwiet tal-familji Maltin u l-Għawdxin.

Intant ingħad li f’din il-kriżi qed joħroġ għal għajn il-poplu wieħed mill-akbar żbalji taħt Gvern Laburista – l-Editorjal qabel ma’ dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid għax-xhur – f’din il-kriżi li spiċċat fiha is-Sistema tas-Saħħa Pubblika joħroġ fid-deher il-misteri li hemm fl-isptarijiet ta’ VGH/Steward Healthcare – li proprju Gvern Laburista għadda taħt idejn il-privat b’konċessjoni ta’ 30 sena.

S’issa din il-mossa mwettqa taħt Gvern Laburista għada ma tat l-ebda frott xieraq lejn l-familji Maltin -b’mod speċjali waqt din il-kriżi ta’ pandemija li pajjiżna spiċċa fiha.