Futbol Sport

Illejla edizzjoni speċjali u riċerkata ta’ Replay fuq Net Television

Anke jekk bħalissa l-futbol internazzjonali u l-futbol Malti jinsabu weqfin minħabba t-tixrid tal-COVID-19, l-appuntamenti ta’ kull ġimgħa tal-programmi Replay fuq Net Television se jinżammu b’edizzjonijiet speċjali. Ilejla, bdiet edizzjoni speċjali ta’ Replay, mis-6:45pm fuq Net Television u li waqfet għal Net News tas-7:30pm iżda se terġa’ tissokta fit-8:30pm sal-10pm. Fil-programm tal-lejla, bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, Replay se jkun qed iwassal l-aħħar dettalji dwar l-effetti li qed ikollu dan il-virus fuq il-futbol lokali u dak internazzjonali kif ukoll se jixxandru l-ewwel minn sensiela ta’ servizzi riċerkati u li kienu parti mis-suċċessi li kiseb Replay f’dawn l-aħħar snin, mir-rokna ‘Eku tal-Passat’.ż

Din ir-rokna hija sinomina ma’ Replay u hija xogħol l-istess Micallef u li fl-aħħar snin kienet ippremjata f’diversi edizzjonijiet tal-Malta Journalism Awards, bir-rebħ tal-aqwa ġurnaliżmu sportiv. F’Replay tal-lum qed jidhru servizzi li jirrakontaw stejjer storiċi u mill-isbaħ tat-tim nazzjonali Malti, b’intervisti mal-protagonisti li kienu parti mis-suċċess ta’ dik il-partita partikolari.

F’kummenti li ta Micallef, producer eżekuttiv tal-programmi Replay lil dan il-portal, hu qal li f’dawn iż-żminijiet diffiċli t-tmexxija tal-programm iħoss li għandu dmir u obligu aktar minn qatt qabel li jikkontribwixxi bi programmi ta’ livell u li jżommu kumpanija lill-Maltin u l-Għawdxin kollha hekk kif bħalissa kulħadd qed ikun mitlub li jibqa’ id-dar.

‘Replay se jibqa’ għaddej u qed nagħmlu sforz kollettiv biex f’perjodu diffiċli u fejn il-futbol hu wieqaf, nibqgħu relevanti bi programmi popolari u informattivi. Dak tal-lum hu wieħed minnhom,’ tenna Micallef.