Lokali

It-tixrid tal-Covid-19 kif qed jaffettwa s-soċjetà inġenerali?

Il-persuna taħt kwarantina li tikser din il-kondizzjoni, tkun qed tesponi ruħha għal sanzjoni ta’ €3,000 għal kull waħda mill-okkażjonijiet li tikser il-perjodu ta’ kwarantina. Dan l-att ġie klassifikat mil-leġiżlatur bħala reat.

It-tixrid tal-coronavirus ġab l-għeluq tal-Qrati tagħna bħall-għeluq tal-iskejjel, l-Università, postijiet tad-divertiment u oħrajn

Ordni tal-2020 dwar l-Għeluq ta’ Postijiet Miftuħa għall-Pubbliku   

Bis-saħħa ta` dan l-avviż legali s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ordnat l-għeluq kollu tal-bars,  ristoranti,  kafetteriji, snack-barskjosks,  swali  taċ-ċinema, gymnasiums,  mużewijiet,  esebizzjonijiet,  klabbs,  diskoteki, nightclubs, swieq fil-beraħ, pixxini ta’ ġewwa, pixxina nazzjonali, fond għal-logħob  inkluż fond  għal-logħob ikkontrollat, swali tat-tombla, casinos, ħwienet tal-logħob, banek tal-lottu u ħwienet tal-imħatri.

Tajjeb ikun aċċennat li l-istess avviż legali pprovda li ristoranti, snack barsu  kjosks għandhom id-dritt (jew aħjar id-dover) ikomplu jipprovdu s-servizzi  ta’ delivery u take-away lill-komunità filwaqt li r-ristoranti li jinsabu ġewwa  lukandi għandhom ikomplu jipprovdu servizz fil-kamra lir-residenti f’lukanda.

Fl-aħħar nett din il-liġi tkompli billi tinforma lill-pubbliku inġenerali li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tista’, b’avviż fil-Gazzetta, tordna l-għeluq ta’ postijiet oħra miftuħa għall-pubbliku. Dan ifisser li possibbilment wieħed jista’ jantiċipa l-għeluq ta’ postijiet oħra liema l-użu jew is-servizz tagħhom mhux klassifikat essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum.

Ordni tal-2020 dwar Perjodu ta’ Kwarantina (Kuntatt ma’ persuni oħra)

Dan l-avviż legali huwa intenzjonat sabiex ikun ta’ protezzjoni għal ħaddiema li qed joffru servizz lill-pubbliku inġenerali sabiex jitrażżan it-tixrid tal-coronavirus.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandha l-poter tordna li kwalunkwe persuna li tiġi f’kuntatt ma’ persuna li tirriżulta li tkun qiegħda ssofri mill-marda infettiva tal-coronavirus, tissottometti lilha nnifisha għal perjodu ta’ 14-il  jum ta’ kwarantina minnufih malli tirċievi ordni bil-fomm jew bil-miktub, skont kif ikun il-każ. Tajjeb ikun imfakkar li meta wieħed ikun taħt kwarantina dan huwa obbligat bil-Liġi sabiex ma joħroġx mid-dar jew il-post fejn ikun taħt kwarantin.

L-avviż legali 72 tal-2020 jispeċifika li jekk il-persuna taħt kwarantina tikser din il-kondizzjoni, tkun qed tesponi ruħha għal sanzjoni ta’ €3,000 għal kull waħda mill-okkażjonijiet li tikser il-perjodu ta’ kwarantina. Importanti u tajjeb ikun spjegat, li dan l-att ġie klassifikat mil-leġiżlatur bħala reat.

L-Ordni tal-2020 dwar Perjodu ta’ Kwarantina (Kuntatt ma’ persuni oħra) tkompli billi tinforma li kull meta xi persuna li tkun soġġetta għal kwarantina titlob servizz minn  kwalunkwe funzjonarju pubbliku, jew persuna impjegata ma’ dipartiment tal-gvern, jew entità tal-gvern, jew minn kwalunkwe individwu  privat  jew  entità  privata liema servizz jeħtieġ id-dħul fil-binja fejn kwaratina tkun qiegħda tiġi affettwata, meta l-persuna soġġetta għal kwarantina titlob tali  servizz, hija għandha tinforma lil dak l-individwu li hija soġġetta għal kwarantina.

Għalhekk din l-Ordni hija intiża sabiex tavża lil minn qiegħed taħt kwarantina jkun sinċier u jinforma lil funzjonarju pubbliku jew individwu privat li huwa taħt kwarantina sabiex dawn il-ħaddiema, li qed joffru servizz eżemplari, jkunu protetti biex ikun jistgħu jkomplu bil-missjoni tagħhom.

Ordni tal-2020 dwar l-Għeluq tal-Qrati tal-Ġustizzja

Din l-Ordni hija r-raġuni għaliex illum mhux qed nitkellmu dwar x’qalet il-Qorti. Dis-saħħa tal-avviż legali 65 tal-2020, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika  ordnat  l-għeluq  tal-Qrati  tal-Ġustizzja u tar-reġistru tal-istess Qrati b’effett mis-16 ta’ Marzu 2020, liema ordni ser tibqa’ fis-seħħ sakemm tiġi revokata mis-Supretendent.

L-istess Ordni tispeċifika u tagħti definizzjoni tal-kelma Qrati u tispjega li din tfisser kwalunkwe qorti u tinkludi l-qrati superjuri u l-qrati  inferjuri,  inkluż  il-qrati  tal-appell irrispettivament mill-kompetenza u l-ġurisdizzjoni tagħhom, u  tinkludi wkoll kwalunkwe tribunal stabbilit bil-liġi, u kwalunkwe bordijiet, kummissjonijiet, kumitati jew entitajiet oħra li quddiemhom jinstemgħu proċedimenti jew isiru proċeduri li huma soġġetti għal limitu ta’ żmien legali jew amministrattiv għal preżentata ta’ xi talba, difiża jew atti ġudizzjarji oħra.

Dan kollu fisser li bosta kawżi, u sentenzi, li kienu skedati għas-smigħ jew kontinwazzjoni kellhom jiġu differiti għal data oħra fil-futur qarib. Tajjeb ikun aċċennat ukoll li hemm avviż legali speċifikament għall-funzjonijiet tan-nutara.

Dawn l-avviżi legali msemmija f`dan l-artikolu huma biss ftit mill-ħafna li wieħed isib relatati mal-coronavirus. Kuljum qed ikun hemm bosta ligijiet li qed jiġu aġġornati permezz ta’ bosta avviżi legali.