Coronavirus Lokali

Kuraġġ, il-poplu Malti u Għawdxi se jingħaqad flimkien biex nirbħu din il-gwerra

F’messaġġ lin-nazzjon dwar l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia qal li dan mhux il-mument tal-politika partiġġjana u lanqas iż-żmien tal-blu u l-aħmar jew żmien fejn inġelldu l-ħaddiema ma’ min iħaddem, imma huwa l-mument tal-għaqda.

Dan meta l-Ministru Edward Zammit Lewis ma jistax jifhem kif wara sitt snin ta’ “ġid” diġà hawn negozji li qegħdin ibatu fi ftit ġimgħat meta l-ispejjeż huma kbar għal kulħadd, il-Ministru Silvio Schembri li jrid li l-ħaddiema barranin jitilqu kollha u jipperikola settur ewlenin fl-ekonomija tagħna bħall-gaming, s-servizzi finanzjarji, l-manifattura u oħrajn imma wkoll dak mediku, u dan wara li l-Gvern stess kabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u Manuel Cuschieri li fi żmien meta pajjiżna jeħtieġ l-għaqda, jippriedka il-mibegħda meta jgħid li n-negozji huma egoisti.

Adrian Delia qal li dan huwa iż-żmien li rridu nħarsu lejn in-nies u l-ġid li nħoloq, li ħolqu min ihaddem u l-ħaddiema, nerġgħu ninvestuh fin-negozji għax jekk dan ma jsirx issa se jkun tard wisq.

Kompla li meta dan huwa l-mument li nuru d-determinazzjoni li se ngħinu u nibqgħu spalla mal-ħaddiema u min iħaddem, sfortunatament il-Gvern għadu ma fehem xejn mill-gravità tas-sitwazzjoni u kuntrarjament għal dak li għamlu pajjiżi oħra, il-Gvern Malti qed jixxaħħaħ mal-ħaddiema u n-negozji. Dan qiegħed jitfa’ piż ikbar fuq fuq ħaddiema u l-familji tagħhom.

Huwa qal li llum in-nies mhux inkwetati biss bl-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna iżda nkwetati wkoll għaliex il-paga tagħhom jew waqfet jew taf tieqaf fil-ġranet li ġejjin. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħmel il-pressjoni sakemm il-Gvern jisma’ l-uġigħ tagħhom u għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jressaq proposti konkreti biex ma jkollniex iżjed telfien ta’ impjieg u nagħtu s-sapport meħtieġ lil min qed iħaddem.

F’dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà, ħadd m’għandu jġorr piżijiet ikbar milli jiflaħ. Huwa qal li dan mhux iż-żmien li fih il-Gvern iħares lejn il-bilanċ iżda ż-żmien li naraw kif nistgħu nsalvaw l-impjiegi.

Jekk il-Gvern ma jimplimentax pakkett ta ghajnuniet serju sa nofs il-gimgha d-diehla se jkun tard wisq
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem bla heda, jikkomunikaw mas-setturi differenti u joħroġ bil-proposti x’għandu jsir. L-Oppożizzjoni qalet li l-Gvern għandu joħroġ tal-inqas 50% tal-pagi.

Il-Gvern ta 20% tal-paga medja u dan mhux il-mod kif isserraħ l-imħuħ u ssalva l-impjiegi u għalhekk flimkien mal-imsieħba soċjali se nkomplu nagħmlu l-pressjoni biex il-Gvern jagħmel ferm iżjed biex jindirizza t-tħassib u d-diffikultajiet tan-nies. Tlabna li l-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma meta l-prezz taż-żejt niżel, hemm ħafna ħwienet li għalkemm magħluqin għadhom iħallsu l-kera u qed ngħidu lill-Gvern, bħala sid tal-kera, biex jieqaf jiġbor il-kirjiet ta’ negozji u fabbriki.

Il-moratorju fuq is-self għandu jkun mhux inqas minn sitt xhur u mhux tliet xhur kif qal il-Gvern. Adrian Delia qal li hemm soluzzjonijiet oħrajn li l-Gvern għandu jagħmel bla dewmien bħalma jwaqqaf is-serqa ta’ flus il-poplu li qed jingħataw lil Steward għalxejn. €70 miljun din is-sena li huma tant meħtieġa li jiġu investiti fl-aħjar interess tal-ħaddiema u min iħaddem.

Il-Gvern għandu jgħid eżattament kif Steward qegħdin jgħinu f’dan il-mument ta’ kriżi, xi stock, tagħmir u apparat mediku u għajnuna qegħdin jagħtuna u għandhom jgħidulna jekk tkellmux mal-kwartieri tagħhom f’Boston biex jipprovdulna dak kollu li għandna bżonn u neħtieġu.

Il-Kap tal-PN appella biex kulħadd jobdi u josserva l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex kemm jista’ jkun kulħadd joqgħod ġewwa. Huwa reġa’ rringrazzja lil dawk kollha li qegħdin fuq quddiemnett f’din il-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19 fosthom it-tobba, l-infermieri u l-professjonisti mediċi.

Adrian Delia qal li bħalissa qed tintuza ħafna l-kelma social distancing li tfisser li noqgħodu fiżikament ‘il bogħod minn xulxin, iżda għandna nżommu l-kuntatt soċjali bl-użu tat-teknoloġija. F’dan iż-żmien min ibati mis-saħħa mentali, min ibati minn xi forma ta’ ansjetà jew dipressjoni, jaf qed iħossu agħar milli jħossu s-soltu, u jeħtieġ li nagħmluhom kuraġġ.

Din hija triq iebsa u twila li rridu nimxuha flimkien. Kapaċi nagħmluha. Nistgħu naslu jekk ningħaqdu flimkien bir-riżorsi kollha tagħna bil-kuraġġ u l-għaqda nirbħu kontra dan l-għadu qerriedi. Bħala nazzjon, bħala poplu, bħala Maltin u Għawdxin.