Lokali

Solidarjetà mal-ħaddiema kollha li qed jagħtu servizz f’dan iż-żmien diffiċli – SĦPN

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista tixtieq turi solidarjetà ma’ dawk il-ħaddiema kollha li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom sabiex flimkien nikkombattu dan il-virus qerriedi fis-sens wiesa tal-kelma.

SĦPN turi solidarjetà mal-Profs. Charmaine Gauci u l-Awtorità tas-Saħħa f’pajjiżna sabiex jagħrfu jieħdu dawk id-deċiżjonijiet għaqlija f’mumenti bħal dawn. Il-ħaddiema kollha: tobba, infermiera, speċjalisti, spiżjara, fattigi, xufiera tal-ambulanzi u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu mal-qasam tas-saħħa, mill-kbir saż-żgħir għandu jkollhom l-appoġġ ta’ kulħadd f’pajjiżna.

SĦPN tfakkar ukoll l-ammont ikbar ta’ ħaddiema li bħalissa għadhom għaddejin bil-ħidma tagħhom ukoll b’ċertu biża: pulizija, armata, dwana u Protezzjoni Ċivili.

Hemm ukoll dawk il-ħaddiema tax-xatt, xufiera u kull min jaħdem fit-trasport, burdnara, bejjiegħa, delivery men, ġurnalisti, xandara, bdiewa u raħħala, furnara, il-ħaddiema tal-Water Services Corp., ħaddiema fit-telefonija u televiżjoni, tal-Enemalta, tad-Drenaġġ, internet providers, sidien tal-pet shops, min jaħdem il-posta, courier services, ħaddiema tal-bank, fis-Servizz Ċivili u fis-settur privat li kollha bil-metodi tagħhom qed joffru servizz essenzjali lill-poplu Malti u Għawdxi.

Minn qalbna ngħidulkom GRAZZI.

Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista tħeġġeġ lill-Gvern sabiex b’mod immedjat, wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum il-Ħadd 22 ta’ Marzu jgħid eżatt min jista’ jew ma jistax jiftaħ minn nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu. Mhux sew li numru kbir ta’ ħwienet ma jafux jekk għada ma jistgħux jiftħu bħas-soltu jew le. Jeħtieġ li f’dan il-mument ma jkunx hawn konfużjoni u l-affarijiet ikunu ċari mill-bidu.