Formula 1 Sport

Tkompli l-preparazzjoni għat-tellieqa tal-Formula 1 ta’ Franza minkejja l-pandemija tal-coronavirus

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tal-Grand Prix ta’ Franza qed jinsistu bil-preparazzjoni tagħhom għall-avveniment ta’ din is-sena meta eventwalment issir. Dan minkejja li l-kampjonat tal-Formula 1 għadu ma bediex u m’hemmx data meta se jibda. It-tellieqa hi mistennija li ssir fit-28 ta’ Ġunju. Fil-bidu, dan kellu jkun l-għaxar Grand Prix minn staġun ta’ 22 tellieqa, iżda l-posponiment u t-tħassir ta’ diversi tlielaq minħabba l-pandemija tal-coronavirus, sa issa jidher li se tkun it-tielet tellieqa tal-istaġun.

Fil-preżent, Franza għandha sospensjoni fuq attivitajiet pubbliċi ta’ 1,000 persuna jew aktar. Il-miżuri tal-Gvern Franċiż biex jillimitaw il-coronavirus jistgħu jdumu xhur, tant li diġà ġiet posposta t-tellieqa popolari ta’ 24 siegħa ta’ Le Mans minn Ġunju għal Settembru.

Id-direttur tal-Grand Prix ta’ Franza Eric Boullier qal li ħadd ma jista’ jippjana bi tliet xhur minn qabel. Kulħadd hu konxju li n-nies bħalissa għandhom tħassib biex jattendu tellieqa tal-Formula 1. Aħna ninsabu qed nistennew għaliex il-prijorità assoluta hi s-sigurtà.” Boullier kompla li bħalissa flimkien mat-tim tiegħu qed jagħmlu l-ħidma neċessarja fuq iċ-ċirkwit Paul Ricard. Fosthom hemm tibdil fl-ewwel u r-raba’ kantuniera biex jiżdiedu l-opportunitajiet li l-karozzi jinqabżu. Boullier qed jipprova jassigura li ċ-ċirkwit ikun preparat għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-Formula 1 hekk kif fl-2022 mistennija jidħlu r-regoli l-ġodda.