Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ gravi wara li qala’ daqqa ta’ sikkina

Żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Belt Valletta qed jinżamm taħt osservazzjoni fl-Isptar Mater Dei, wara li sofra ġrieħi gravi b’daqqa’ ta’ sikkina. B’rabta ma’ dan il-feriment, il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ 21 sena, residenti l-Floriana.

Għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar (1230hrs), il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta rċevew rapport li seħħet ħabta fi Triq il-Mediterran fil-Belt u inqala’ ukoll argument fejn allegatament intużat sikkina u hemm persuna feruta.

Fuq il-post marru l-Pulizija fejn sabu vettura maħbuta f’żewġ vetturi li kienu pparkjati. Mill-ewwel stħarriġ illi sar irriżulta li s-sewwieq ta’ din il-vettura, wara l-ħabta, allegatament qala’ daqqa’ ta’ sikkina f’siequ u ttieħed minn xi persuni fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana.

Hemmhekk intbgħatu lPulizija tar-Rapid Intervention Unit fejn sabu lill-vittma, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena, illi wara ttieħed għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei.

Minn aktar stħarriġ illi sar irriżulta li aktar qabel, il-vittma kien qed isuq fi Triq il-Mediterran u flistess waqt kienet qed tinstaq vettura oħra fi Triq San Duminku. Sabiex tiġi evitata ħabta bejn dawn iż-żewġ vetturi, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkkjati.

Inqala’ argument bejn iż-żewġ sewwieqa fejn allegatament intużat sikkina, bl-allegat agressur, li ġie ddentifikat bħala ż-żagħużgħ ta’ 21 sena, telaq minn fuq il-post. Bdiet tfittxija għalih fejn dan instab ftit ħin wara mill-Pulizija tar-RIU, f’residenza fil-Floriana. Huwa ġie arrestat u ttieħed lGħassa tal-Belt għal aktar stħarriġ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.