Coronavirus Lokali Saħħa

“20% tal-każijiet huma trażmissjoni lokali iżda mistennija jiżdiedu”

Ritratt: Martin Agius
7 mill-każijiet imħabbra llum bi trażmissjoni lokali u b'waħda ħadd ma jaf kif qabditha l-marda tal-Coronavirus

Fost is-7 każijiet ta’ trażmissjoni lokali li ħabbret it-Tnejn waranofsinhar is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spikka l-każ ta’ mara ta’ 52 sena, li la siefret u lanqas għamlet kuntatt ma’ nies li kienu sintomatiċi. Dan ifisser li ħadd ma jaf kif qabditha l-marda tal-Coronavirus.

Dwar l-anzjan li bħalissa qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, il-Professur Gauci qalet li jinsab stabbli filwaqt li l-każijiet kollha l-oħra, rikoverati kemm fl-Isptar Mater Dei u sptarijiet privati oħra, jinsabu ukoll stabbli.

Bħalma nafu, barra minn Malta qed isir ittestjar tal-iskoperti fil-kura għall-COVID-19. Aħna tlabna biex nipparteċipaw f’dan l-ittestjar ħalli jekk ikollna xi pazjenti li jkollhom bżonn jieħdu xi kura b’dawn il-mediċini, li ġibniehom biex jintużaw għall-kundizzjonijiet mediċi oħra, inkunu nistgħu noffru dawn it-trattamenti lill-pazjenti.”

Charmaine Gauci elenkat ukoll li l-każijiet ikkonfermati huma mferxin mal-pajjiż kollu.

Bejn wieħed u ieħor għandna 20% tal-każijiet pożittivi huma ta’ trażmissjoni lokali, però qed nistennew li dawn jitilgħu bil-mod.”

Sa issa baqgħu biss tnejn il-każi li fiequ mill-COVID-19. It-total ta’ testijiet li saru tela’ għal kwazi 3,100, b’ 2106 minnhom kienu sintomatiċi u 993 test meħudhin minn persuni differenti li daħlu f’Mater Dei.

Dwar iż-żieda ta’ problemi ta’ saħħa mentali u s-solitudni kawża tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, is-Sovratindenza tas-Saħħa Pubblika qed toffri servizz estiż ta’ support mill-psikjatri u l-psikologi. Iżda appellat lill-familji sabiex iżommu kuntatt telefoniku jew bi Skype b’mod regolari mal-qraba tagħhom.

Filwaqt li appellat lin-nies sabiex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u jibqgħu ġewwa, Charmaine Gauci temmet tgħid li l-peak ta’ din il-marda f’pajjiżna għadha ma ntlaħqitx.

Għadu kmieni biex nilħqu l-peak għaliex dan għadu tiela’ bil-mod. Inkunu nafu li se nilħqu l-peak meta jibdew jonqsu l-każijiet. Huwa importanti li l-popolazzjoni kollha taddatta għal din l-istil ta’ ħajja għaliex hija sitwazzjoni li se ddum fit-tul.”