Coronavirus Lokali

Jittieħdu prekawzjonijiet f’waħda mir-residenzi tal-Aġenzija Sapport

Diversi prekawzjonijiet qed jittieħdu f’residenza ta’ Aġenzija Sapport hekk kif żewġ ħaddiema nstabu pożittivi għall-COVID-19.

Jidher li ż-żewġ ħaddiema jaħdmu f’residenza waħda tal-Aġenzija, b’persuna li tkelmet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalet li la l-ħaddiema u lanqas il-klijenti ma jistgħu joħorġu mill-binja biex jevitaw it-tixrid tal-virus. Dan filwaqt li l-ebda qraba ma jistaw jidħlu ħdejn il-pazjenti b’mod temporanju.

Aġenzija Sapport diġa kienet ħadet diversi miżuri biex ma tiżdiedx l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. Dawn huma li ġejjin:

  1. Matul dan iż-żmien l-Aġenzija mhux qed toffri servizz ta’ matul il-jum
  2. Interventi ta’ ħidma soċjali u dawk fil-Komunità qed jingħataw f’każijiet ta’ emerġenza
  3. Is-servizzi residenzjqali qed jiġu mħarsa kuljum
  4. L-Aġenzija qed tagħmel dak kollu li tista’ fejn jidħol l-iġjene, fosthom tindif b’diżinfettant u hand sanitizer
  5. L-impjegati huma obligati li ma jidħlux għax-xogħol jekk ikunu ma jifilħux filwaqt li jsegwu l-perjodu ta’ kwarantina wara s-safar
  6. Imħassra numru ta’ attivitajiet skont id-direzzjonijiet mogħtija mid-Dipartiment tas-Saħħa f’pajjiżna
  7. Qraba u ħbieb ma jistawx iżuru lil persuni residenti fir-residenti
  8. Kuntatt mal-Aġenzija għandu jsir biss permezz tat-telefown jew b’email