Internazzjonali

Coronavirus: Ottimiżmu fil-Korea t’Isfel…

Il-Korea t’Isfel irrappurtat l-inqas każi ġodda tal-coronavirus mindu r-rati tal-infezzjoni laħqu l-ogħla livell, erba’ ġimgħat ilu. Dan fost tamiet li l-agħar epidemija tal-Covid-19 fil-kontinent tal-Asja, wara taċ-Ċina, tista’ qed tbatti.

Il-pajjiż irreġistra 64 każi ġodda tal-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa u għal total ta’ 8,961 – b’111-il mewta.

Madankollu, l-awtoritajiet tas-saħħa fil-Korea t’Isfel wissew biex ħadd ma jnaqqas mill-attenzjoni ‘għaliex il-pajjiż xorta waħda fadallu gwerra fit-tul kontra l-pandemija’.

Kważi 20,000 persuna qed ikunu testjati kuljum għall-coronavirus fil-Korea t’Isfel – bil-proċess jinvolvi aktar nies fuq bażi per capita minn kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja.

Il-Korea t’Isfel ħolqot network ta’ laboratorji privati u pubbliċi li jipprovdu għexieren ta’ drive-through centres fejn in-nies li jkunu qed juru ċerti sintomi jkunu jistgħu jeżaminaw l-istat ta’ saħħithom.