Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li l-karozza tiegħu ħadet in-nar kawża ta’ inċident fil-Ħamrun.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-9.45pm, Kuntistabbli li kien għaddej minn Triq Nazzjonali f’direzzjoni lejn il-Floriana, innota karozza li kienet qed tieħu n-nar. Hu għen lis-sewwieq, raġel ta’ 37 sena residenti Tal-Pietà, sabiex joħroġ mill-karozza filwaqt li talab l-għajnuna ta’ tim mediku u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
L-ewwel stħarriġ qed juri li għal xi raġuni, ir-raġel tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq u ħabat f’siġra. Minħabba l-ħsarat li ġarrbet il-karozza, żviluppaw nirien li fi ftit tal-ħin ġew ikkontrollati mill-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Tim mediku assista lir-raġel fuq il-post u mbagħad hu ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan l-inċident.

