Id-dejn tal-Gvern f’Jannar li għadda kiber bi ftit anqas minn €90 miljun għal ftit anqas minn €5.4 biljun meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. Anki d-defiċit fil-Fond Konsolidat f’Jannar żdied b’aktar minn €20 miljun għal ftit aktar minn €75 miljun.
Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta t-Tnejn għall-ewwel xahrejn tal-2020, wara l-kriżi politika li ġab b’idejh Joseph Muscat u ftit qabel ma tħabbru l-ewwel każijiet ta’ COVID-19 f’pajjiżna.
Il-kawża għaż-żieda fid-dejn tal-Gvern kienet attribwita għaż-żieda fil-kontijiet pendenti tat-Teżor filwaqt d-defiċit fil-fond konsolidat kien attribwit għal żieda fl-ispejjeż li jiżboq id-dħul iġġenerat.
In-nefqa tal-Gvern żdiedet b’aktar minn €35 miljun; aktar minn 10% meta mqabbel ma’ Jannar 2019, kif żdiedet in-nefqa rikorrenti bi ftit anqas minn €30 miljun.
Fi Frar, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju, batta ftit meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi baqgħu qrib il medja.
B’kuntrast mas-sitwazzjoni li probabbli tkun riflessa f’Marzu minħabba l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna, f’Jannar kienet reġistrata żieda sinifikanti fil-wasliet ta’ turisti u l-infiq tagħhom. Madankollu, it tkabbir annwali, kien diġà beda jimmodera meta mqabbel ma’ Dicembru.
Il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol fl-ewwel xahar tas-sena kienu jidhru favorevoli. U l-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur f’Jannar baqgħet moderata.
//= $special ?>