Coronavirus Ekonomija Għawdex Lokali Saħħa

“Għawdex u l-Għawdxin qed jintlaqtu ħafna agħar” – Adrian Delia

"Irridu special aid package li jgħin il-ħtiġijiet partikolari ta' Għawdex"

“Irridu special aid package li jgħin il-ħtiġijiet partikolari ta’ Għawdex u li jindirizza t-tbatijiet tal-Għawdxin fis-settur kollha li qegħdin ibatu waqt dawn iż-żminijiet diffiċli. Irridu nieħdu ħsieb l-ekonomija ta’ Għawdex qabel ma jkun tard wisq.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-Aħbarijiet flimkien ma’ Chris Said u Kevin Cutajar.

Adrian Delia qal li Għawdex diġà jbati mill-insularità doppja iżda f’dawn iż-żminijiet bl-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna dawn id-diffikultajiet li jesperjenzaw l-Għawdxin qed ikunu ferm ikbar għaliex l-ekonomija ta’ Għawdex tiddependi ferm iżjed fuq is-settur tat-turiżmu u t-turisti u t-theddida għal min iħaddem u l-ħaddiema li jaħdmu direttament jew indirettament fit-turiżmu f’Għawdex hija ikbar. Huwa qal li hija tal-mistħija kif il-Gvern ma kkonsultax mal-imsieħba soċjali f’Għawdex fosthom il-Gozo Business Chamber u l-Gozo Tourism Authority biex jisma’ t-tħassib tan-negozji li jinsabu fil-periklu li jistgħu jfallu u tal-ħaddiema Għawdxin li l-impjieg u l-ħobża ta’ kuljum tagħhom jinsabu mhedda.

Adrian Delia qal li l-iżjed li qegħdin ibatu bid-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern huma l-Għawdxin, wara li l-Gvern kien għażel li jagħti tliet sptarijiet lil kumpanija li qatt ma kellha esperjenza fis-settur mediku. Dan meta Vitals u Steward ingħataw l-uniku sptar li hemm f’Għawdex u mill-€240 miljun li ngħataw f’serqa mill-flus tan-nies, l-Għawdxin ma ħadu xejn lura. Huwa qal li kieku l-investiment li kellu jsir huwa lest, f’Għawdex kien ikun hemm 450 sodda li jistgħu jintużaw f’dan iż-żmien tal-imxija tal-COVID-19. Minflok lanqas biss ma jistgħu jsiru t-testijiet ta’ swabbing f’Għawdex stess u lanqas mhemm l-abbiltà li tingħata l-aqwa kura possibbli lill-pazjenti Għawdxin f’Għawdex stess f’dawn iż-żminijiet ferm diffiċli, meta l-pazjenti Għawdxin se jkollhom jintbagħtu Malta.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni mal-ewwel kienet ressqet proposti dwar Għawdex għax il-Partit Nazzjonalista fehem id-diffikultajiet kbar li l-Għawdxin se jgħaddu minnhom. Il-PN kien ressaq proposti għall-ħaddiema li jaħdmu fuq il-vapuri, li kienu jinkludu miżuri ta’ sigurtà, tat-tindif u t-tqassim tal-vjaġġi biex ikun hemm inqas tixrid tal-COVID-19 f’Għawdex. Adrian Delia qal li filwaqt li l-Gvern ħa uħud minn dawn il-proposti li tressqu, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li l-proposti kollha li ressqet jidħlu fis-seħħ għall-ġid u l-aqwa interess tal-Għawdxin.

Chris Said qal li l-ekonomija ta’ Għawdex qed tinqered bis-sigħat u min iħaddem jinsab f’paniku għax ma jridx li jtemm l-impjiegi tal-ħaddiema. L-ekonomija ta’ Għawdex tiddependi ferm iżjed minn dik ta’ Malta fuq it-turiżmu meta 50% tal-GDP ta’ Għawdex ġej mit-turiżmu u għalhekk in-nuqqas tat-turisti qed tinħass ferm iktar. Huwa qal li l-istatistika turi li d-dħul tal-Għawdxin huwa wkoll inqas minn dak tal-familji Maltin b’€5,500 u dan apparti l-gap fl-izvilupp ekonomiku li matul dawn l-aħħar żdied ferm f’daqqa kbira għal Għawdex. Chris Said qal li l-Gvern għandu minnufih jimplimenta l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista fosthom ir-roħs ta’ 50% tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u moratorju fuq il-pagamenti li l-Gvern għandu jieħu speċjalment mill-fabbriki biex jgħin lin-negozju f’Għawdex. Huwa qal li għandu jkun hemm ukoll tim ta esperti li jgħinu lis-settur tan-negozju f’Għawdex mhemmx informazzjoni kif jistgħu japplikaw sabiex tal-inqas jieħdu mill-inċentivi li tħabbru. Chris Said qal li Għawdex qed iħallas il-prezz qares tad-deċiżjoni tal-Gvern għaliex issa hemm biss sptar privat u l-Għawdxin qegħdin jisperaw li fil-jiem li ġejjin din id-deċiżjoni ma jkolliex riżultat diżastruż fuq is-saħħa tagħhom.

Kevin Cutajar qal li filwaqt li saru numru ta’ prekawzjonijiet dwar il-vapuri fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19 kienx ikun iżjed għaqli li kieku dawn il-miżuri ttieħdu ferm qabel. Huwa qal li l-ħaddiema fuq il-vapuri m’għandhomx is-serħan tal-moħħ li jinsabu protetti u li jistgħu joffru s-servizz kif suppost. Kevin Cutajar qal li ma jistax jifhem kif l-Awtoritajiet ma ħasbux biex ikun hemm swab house għall-Għawdxin f’Għawdex stess u li għandha tingħata spjegazzjoni dwar l-ammont tas-sodod disponibbli u kemm dawn huma attrezzati fl-aħjar mod biex tingħata l-kura. Dan għaliex kieku l-investiment fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex sar kien ikun hemm iżjed sodod ma kienx ikun hemm il-bżonn li jinħarġu l-anzjani minn Dar Sant’Anna. Huwa staqsa għalfejn mhux qegħdin isiru l-isforzi kollha biex każijiet li jkun hemm f’Għawdex jinġiebu f’Malta permezz tal-air ambulance. Għandhom ikunu l-Awtoritajiet li jwieġbu għal dawn id-domandi, għax il-Gvern għandu r-responsabbiltà li jħares is-saħħa tal-Għawdxin. Kevin Cutajar qal li dan huwa ż-żmien li naħdmu id f’id u kulħadd jagħti sehemu, u għalhekk ukoll l-Oppożizzjoni se tibqa’ twassal proposti konkreti fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

Flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said u mid-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar.