Is-Segretarju tas-Saħħa tar-Renju Unit, Matt Hancock, għamilha ċara li n-nies li qed jinjoraw id-direttivi u l-pariri tal-Gvern bil-għan li tiġi kontrollata l-coronavirus ‘qegħdin juru livell speċjali ta’ egoiżmu’.
Hancock sostna li l-Gvern tiegħu lest li, jekk meħtieġ, jieħu ‘aktar azzjoni’ biex iwaqqaf il-virus milli jinfirex waqt li tenna li ‘ma jistax jifhem għalfejn numru ta’ persuni qed jinjoraw il-pariri għall-ħarsien tas-saħħa meta hemm il-ħajja tan-nies involuta’.
Is-Segretarju wissa mill-ġdid biex kulħadd jagħmel dmiru biex il-Covid-19 ma jinfirixx aktar. Dan meta s-servizzi tas-saħħa nazzjonali (NHS) qegħdin iħejju għall-veru impatt tal-coronavirus fir-Renju Unit.
Hancock għadda l-kummenti meta d-deputati fil-Parlament ta’ Londra kienu qed iħejju biex jiddibattu leġislazzjoni ta’ emerġenza li għandha tippermetti l-poteri speċjali għall-kontroll tal-pandemija.
Dan meta fi tmiem il-ġimgħa, iċċirkulaw diversi ritratti u filmati ta’ folol tan-nies qegħdin jiffrekwentaw postijiet pubbliċi u fil-miftuħ madwar ir-Renju Unit.
Iċ-ċifra tal-mejtin mill-coronavirus fir-Renju Unit għalissa hi stabbilita mal-281.
Sadanittant, l-NHS fl-Ingilterra ħabbar li identifika– u qed jikkuntattja – lil 1.5 miljuni mill-aktar persuni ‘taħt sogru mill-infezzjoni’ u li issa jridu jibqgħu d-dar għal tnax-il ġimgħa.
Bħalissa hemm 5,683 każi konfermati tal-coronavirus fir-Renju Unit.
L-awtoritajiet Britanniċi anki qed jinsistu mal-ġenituri fir-Renju Unit biex iżommu lil uliedhom id-dar, dment li ma jkunx ‘assolutament neċessarju’ li joħorġu – bl-iskejjel fir-Renju Unit, fil-preżent, jinsabu magħluqin għall-parti kbira tal-istudenti.
//= $special ?>