Lokali Parlament

Il-Gvern mhux jgħolli d-dinjità tal-kunsilli lokali

– Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Opożizzjoni Robert Cutajar qal fil-parlament li fil-Liġi dwar id-Devuluzzjoni tas-Setgħat Ministerjali m’hemm xejn li jgħolli d-dinjità tal-kunsilli lokali.

Hu qal li fil-fatt kienet l-Oppożizzjoni li nsistiet għal-laqgħat mal-Gvern biex tiggarantixxi l-kundizzjonijiet tal-impjegati tal-kunsilli lokali.

Hu tkellem dwar il-Gwardjani Lokali li issa saru Uffiċjali tal-Komunità u qal li minkejja l-proposti li l-Oppożizzjoni ilha tressaq, il-Gvern jibqa’ jgħaddi biż-żmien lin-nies. F’kull qasam tal-kunsilli lokali hawn diżappunt u nuqqas ta’ rispett li l-entitajiet tal-Gvern juru lejn il-kunsilli lokali.

Gvern Nazzjonalista dejjem ta poteri li jagħmlu ġieħ lill-kunsilli lokali iżda issa f’dan l-abbozz l-Oppożizzjoni stenniet li għandhom ikunu s-sindki li jiddeċiedu fejn għandhom ikunu l-uffiċjali tal-Komunità fil-lokalitajiet. Minkejja dan, illum il-Gvern ħoloq il-mostru tal-Lesa li dawn lanqas jippreżentaw il-kontijiet finanzjarji tagħhom.

Il-Gvern qed jonqos milli jieħu l-passi neċessarji kontra l-Lesa, sostna Robert Cutajar, li appella biex l-Uffiċjali tal-Komunità jerġgħu jmorru għand il-kunsilli lokali. Mhux veru li qed jintwera rispett lejn il-kunsilli lokali.

Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li parti mill-VAT ġenerata mill-komunità tibqa’ għand il-kunsilli lokali, li 50 ċenteżmu għal kull lejl mit-turisti li jorqdu fil-lokalitajiet tmur għand il-kunsilli lokali u biex parti mill-ħlasijiet tal-permessi fuq attivitajiet kummerċjali fil-lokalitajiet imorru għand il-kunsilli lokali.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux jagħmel diskussjoni fil-parlament dwar il-pakkett finanzjaru dwar il-corona virus u sostna li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern mhux waħda adegwata.

Il-Gvern m’hu jikkonsulta ma’ ħadd; la mal-Oppożizzjoni u lanqas mal-imsieħba soċjali. Hu appella biex il-Gvern issa jmur quddiem il-parlament bil-pakkett finanzjarju li jmiss.

Dan għandu jkun jirrifletti l-bżonnijiet tal-ekonomija; issa l-Gvern irid jgħaddi għall-fatti wara li ilu snin jitkellem dwar is-surplus. Il-Gvern għandu l-possibbiltà li jreġġa’ lura l-flus li kiseb meta biegħ iċ-ċittadinanza u l-passaporti tal-Maltin, sostna d-deputat Nazzjonalista.