Coronavirus Lokali

Il-‘legal notice’ tal-ħwienet magħluqa għadha mhux online; il-helpline 144 mhux jaħdem

Anki n-numru 144 mhux jaħdem

Il-legal notice li tordna biex numru ta’ ħwienet ma jiftħux mit-8 ta’ dalgħodu għadha mhix online.

L-unika pubblikazzjoni li kien hemm dwar dan kienet stqarrija mill-Gvern ilbieraħ fl-10.30 ta’ bil-lejl fejn tat forma ta’ struzzjoni ta’ liema ħwienet ma jistgħux jiftħu.

Sa issa iżda, sigħat wara li l-legal notice suppost daħlet fis-seħħ, għadna ma nafux liema huma dawn il-ħwienet.

Intant persuni li tkellmu magħna qalulna li dalgħodu n-numru tal-helpline 144, tal-Malta Enterprise, mhux jiffunzjona. Numru ta’ negozjanti kmieni dalgħodu ppruvaw jagħmlu kuntatt dwar dan kollu, madankollu għadhom sa issa bla ebda informazzjoni addizzjonali dwar in-negozji tagħhom.