Futbol Sport

Jien dejjem kelli f’moħħi li meta nilħaq tragward nimxi għal xi ħaġa oħra – Andrè Schembri

(Ritratt: EPA)
Din l-intervista tinsab fil-ħarġa tal-lum ta' In-Nazzjon

Stewart Said

Is-Sibt 14 ta’ Marzu kienet ġurnata importanti għal Andrè Schembri hekk kif lagħab l-aħħar logħba fil-karriera tiegħu. Sfortunatament Chennaiyin kienu megħluba 3-1 minn ATK fil-logħba li ddeċidiet min jispiċċa rebbieħ tal-kampjonat Indjan. Minkejja li fl-aħħar logħba ma skorjax u ma spiċċax bir-rebħ tal-kampjonat, dan żgur mhux se jnaqqas il-karriera mill-aqwa ta’ Schembri. Ħafna jistgħu jsostnu li Schembri mhux l-ewwel u l-aħħar plejer li rtira, u għalhekk mhux daqshekk importanti li temm il-karriera.

Iżda għax-xena lokali, Andrè Schembri għamel dak li ħadd qatt ma għamel, jiġifieri li jilgħab kważi 13-il sena barra minn Malta. Għal dan il-fatt, inħoss li hu dmir tiegħi li nagħti rikonoxximent lil dan il-plejer li ħaffer triq li tista’ sservi ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor. Andrè Schembri temm il-karriera ta’ plejer fl-età ta’ 33 sena, età li ħafna jqisuha żgħira biex wieħed jirtira. Għaldaqstant, il-mistoqsija tqum waħedha. X’wassal biex Schembri rtira? “Li kelli nagħmel għamiltu fil-futbol barra l-pajjiż. Li kieku komplejt ma kinitx tkun self-fulfilling, il-flus qatt ma kienu importanti għalija,” qal Schembri.

B’din l-opinjoni, ikkonferma li ma ħassx li kellu jirritorna jilgħab l-aħħar snin tal-karriera f’pajjiżna għaliex fi kliemu kien ikun qed jilgħab f’kampjonat ta’ livell anqas u għalhekk kien ifisser li jkun qed jagħmel hekk biex jikseb aktar salarji mill-karriera. F’dawn l-ewwel jiem wara li rtira, hu jħossu “meħlus” għaliex għandu aktar ħin liberu minħabba li t-taħriġ, il-logħob u l-vjaġġi għall-partiti jieħdu ħafna mill-ħin. Xi ħaġa li bħalissa minħabba l-coronavirus, tinstema’ xi ħaġa stramba.

Ir-ritratt huma meħud mill-awtobijografija reċenti ta’ KITE GROUP dwar il-ħajja u l-karriera ta’ Andrè Schembri. Min jixtieq kopja tal-ktieb jista’ jordnah minn www.kitegroup.com.mt​ u l-ktieb jitwassallu d-dar bil-posta.

L-ewwel snin tal-karriera

Wara li fis-settur taż-żgħażagħ lagħab ma’ Floriana, Andrè Schembri għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier fl-istaġun 2002/03 fl-età ta’ 16-il sena. F’nofs l-istaġun 2004/05 hu ngħaqad ma’ Marsaxlokk u kien strumentali biex ix-Xlukkajri rebħu l-uniku kampjonat fl-istorja fl-istaġun 2006/07.

Dan kien l-aħħar staġun tiegħu f’pajjiżna hekk kif minn hemm beda l-mixja tiegħu madwar l-Ewropa. Ma’ Hibernians u Marsaxlokk, Schembri lagħab taħt il-Presidenza ta’ Tony Bezzina u Victor Sciriha, żewġ persuni li taw kontribut kbir lill-futbol lokali. Schembri japprezza l-impenn ta’ nies bħal dawn għaliex iqis lil dawn il-persuni bħala determinanti għall-futbol lokali. Ma’ Victor Sciriha, Schembri għandu rapport speċjali.

“Jien lgħabt ma’ Marsaxlokk għal sentejn u nofs u kont iffirmajt bil-kundizzjoni li jekk tiġi opportunità barra minn Malta nitlaq. Victor Sciriha żamm kelmtu miegħi. Kien raġel miegħi u nibqa’ nafulu sakemm nibqa’ ngħix.” Minħabba r-rapport speċjali ta’ bejniethom, staqsejt lil Andrè Schembri jekk qatt xi darba kienx qrib li jingħaqad ma’ Valletta. Hu mingħajr tlaqliq qalli li kien jitkellem spiss miegħu u kull konversazzjoni li kien ikollu, Sciriha dejjem kien jgħidlu biex jingħaqad mal-Beltin. Ir-risposta ta’ Schembri kienet dejjem tkun li hu jrid jibqa’ jilgħab barra minn Malta.

(Ritratt: In-Nazzjon)

94 logħba u tliet gowls mat-tim nazzjonali

Andrè Schembri hu t-tmien l-aktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali b’total ta’ 94 logħba milgħuba bejn l-2006 u l-2018. Hu kien ħabbar li se jirtira mit-tim Malti fit-13 ta’ Novembru tal-2018 qabel il-partiti mill-UEFA Nations League kontra l-Kosovo u l-Gżejjer Faroe. Dakinhar, din l-aħbar ukoll kienet ftit ta’ sorpriża għad-dilettanti tal-futbol lokali għaliex f’mument fejn it-tim Malti kien nieqes minn plejers offensivi, kien se jonqos il-plejer b’esperjenza internazzjonali.

Hu kien biss sitt logħbiet bogħod milli jidħol fil-klabb tal-mija. Iżda għal Schembri ma kienx l-għan prinċipali. “Billi nagħmel sitt logħbiet oħra ma kien se jinbidel xejn. Dak iż-żmien kont qed nilgħab fl-Europa League, f’Ċipru u mat-tim nazzjonali. Mhux faċli tlaħħaq magħhom. Kont qed nikber u ridt nagħti spazju kif ukoll ridt nagħti messaġġ b’saħħtu lil kulħadd.”

Jekk 94 logħba huma ħafna, tliet gowls huma wisq ftit għalih. Dawn il-gowls waslu b’doppjetta fir-rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija fil-11 ta’ Ottubru tal-2006 u fit-8 ta’ Settembru tal-2007 fi draw ta’ 2-2 kontra t-Turkija, żewġ logħbiet li ntlagħbu fl-Istadium Nazzjonali.

Dan kien iwassal ukoll għal kritika minħabba li ħafna kienu jippretendu aktar minnu. Hu jirribatti n-nixfa ta’ gowls u l-prestazzjoni b’żewġ raġunijiet. “Fl-era ta’ Michael Mifsud diffiċli jkun hemm plejer li jiskorja ħafna. Eżempju ara kemm skorjaw Etienne Barbara, Daniel Bogdanovic, Andrew Cohen man-nazzjonal. Aħna konna nilagħbu għal Michael.”

(Ritratt: EPA)

Dwar il-prestazzjonijiet, Schembri jgħid li “l-futbol hi logħba ta’ opinjonijiet imma ma jfissirx li kulħadd għandu raġun. Mat-tim nazzjonali, l-ambjent kien dilettantesk mhux professjonali kif kont nilgħab jien u ma stajtx nagħti l-100% minħabba l-ambjent. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tiegħi kienet tinbidel skont kif jilgħab it-tim. Daqqa nimmarka lil Pirlo, daqqa nirtira ftit aktar mis-soltu, ġieli nilgħab mal-linja u wara Michael u rari lagħbt il-logħba tiegħi.”

Għaldaqstant staqsejtu liema kienet l-aħjar pożizzjoni skont hu. “Lgħabt ħafna mill-karriera bħala winger u seconda punta. Bħala midfielder kont aħjar għax kelli viżjoni aħjar, fil-fatt ma’ Hibernians hemm kont bdejt.” Jekk wieħed jieħu l-gowls li skorja Andrè Schembri fihom, dawk il-logħbiet jibqgħu mniżżlin fl-istorja tat-tim nazzjonali. Sfortunatament, fl-aħħar snin dawn il-logħbiet memorabbli naqsu.

Schembri jqis kull logħba li lagħab mat-tim nazzjonali bħala diffiċli. “Il-livell tat-tim nazzjonali qatt ma beda u qatt ma niżel għaliex fit-tim nazzjonali qatt ma hemm konsistenza. Dejjem bqajna l-aħħar u biex ikollok ir-riżultati dejjem, irid ikollok il-plejers barra minn Malta.” L-eks plejer ta’ 33 sena, iqis lil Dusan Fitzel bħala l-kowċ nazzjonali li għenu l-aktar. Dan għaliex kien hu li daħħlu fit-tim nazzjonali u poġġieh fl-isfera internazzjonali filwaqt li kien itih diversi ħjiel ta’ x’għandu jagħmel u x’ma għandux jagħmel.

(Ritratt: Chennaiyin FC)

Minn Eintracht Braunschweig sa Chennaiyin

Il-karriera internazzjonali ta’ Andrè Schembri bdiet fl-2007 u spiċċat proprju ftit jiem ilu. Forsi ftit jafu iżda kif bdiet il-karriera tiegħu barra minn Malta? “Il-kuntatt beda wara l-logħba kontra l-Ungerija. Kien hemm aġent f’kuntatt ma’ Gilbert Agius u għaddielu l-email tiegħi. Fis-sajf tal-2007 kelli żewġ għażliet, Eintracht Braunschweig fit-Tielet Diviżjoni Ġermaniża u klabb mis-Super Liga tal-Greċja. Iddeċidejt li mmur il-Ġermanja għaliex hemm aktar struttura u jgħinu aktar fl-iżvilupp tal-plejer.”

Schembri jiddeskrivi l-ewwel xhur fil-Ġermanja bħala l-aktar mument diffiċli fil-karriera minħabba li kellu jitlaq kollox, ħalla pajjiżu u mar f’pajjiż b’kultura u lingwa differenti. Perjodu ieħor ikkumplikat kien ma’ FSV Frankfurt hekk kif kien għaddej minn mument diffiċli u kellu jħalli l-klabb.

Wara Eintracht Braunschweig, Schembri ngħaqad ma’ Carl Zeiss Jena ukoll fil-Ġermanja. Lagħab ukoll ma’ Austria Karnten fl-Awstrija, Ferencvaros fl-Ungerija, Olympiacos Volou u Panionios fil-Greċja, FSV Frankfurt fil-Ġermanja, Omonia Nicosia u Apollon Limassol f’Ċipru, Boavista fil-Portugall u Chennaiyin fl-Indja. L-aktar esperjenza ta’ sodisfazzjon għalih kienet fl-istaġun 2016/17 meta lagħab ma’ Boavista fl-ogħla diviżjoni tal-Portugall. Din kienet l-ewwel darba li kellu l-familja miegħu.

Ir-ritratt hu meħud mill-awtobijografija reċenti ta’ KITE GROUP dwar il-ħajja u l-karriera ta’ Andrè Schembri. Min jixtieq kopja tal-ktieb jista’ jordnah minn www.kitegroup.com.mt​ u l-ktieb jitwassallu d-dar bil-posta.

Fl-Indja, Schembri sar l-ewwel plejer Malti li lagħab f’kampjonat fl-Asja. Minn dak li osservajt meta segwejt l-aħħar logħba tiegħu, il-plejers Indjani mhumiex tattikament u teknikament brillanti iżda għandhom veloċità superjuri għall-plejers Maltin. Hu jqis li għalkemm fil-plejers hemm potenzjal, il-problema tal-Indja hi li huma fqar fil-kowċing u fil-fatt iqis li huma l-plejers barranin li jagħmlu d-differenza. Għalkemm kellu karriera ta’ kważi 13-il sena barra minn Malta, Andrè Schembri qatt ma dam aktar minn żewġ staġuni ma’ klabb. Mistoqsi biex jelabora aktar fuq dan il-fatt, hu wieġeb bl-aktar mod skjett. “Jien dejjem kelli f’moħħi li meta nilħaq tragward, nimxi għal xi ħaġa oħra.”

Kurżità. Andrè Schembri lagħab f’diversi pajjiżi iżda mhux fl-Ingilterra, Spanja jew l-Italja. Kellu xi opportunitajiet li setgħu saru realtà? Iva, meta kien jilgħab fil-Greċja kellu kuntatti primarji ma’ Verona u Sampdoria iżda qatt ma waslu fil-fażi avvanzata biex seta’ jikseb kuntratt prestiġjuż.

Din kienet xewqa kbira tiegħu li jilgħab fl-Italja, iżda dan mhux l-akbar rimors għalih hekk kif iqis il-fatt li ħalla pajjiżna ta’ 21 sena kien tard wisq għalih. Madankollu meta jħares lejn il-karriera tiegħu, Schembri jiddeskrivi lilu nnifsu li ried ikun reżiljenti biex lagħab dawk is-snin kollha barra minn Malta għaliex ried jegħleb il-barriera tal-lingwa u d-differenza fil-kultura. Minkejja li l-karriera tkun deskritta bħala suċċess, Schembri rebaħ biss il-Kampjonat Premier ma’ Marsaxlokk u s-Super Cup ma’ Apollon Limassol. Hu ma jqisx li hu dispjaċir li rebaħ ftit għaliex “inkejjel is-suċċess tiegħi kemm kont f’sitwazzjoni diffiċli u rnexxieli noħroġ minnhom.”

(Ritratt: EPA)

L-ewwel gowl ta’ Malti fil-gruppi tal-Europa League

19 ta’ Ottubru tal-2017, data oħra importanti fil-karriera ta’ Andrè Schembri. Dakinhar sar l-ewwel plejer Malti li skorja fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League. Schembri skorja b’daqqa ta’ ras fit-telfa ta’ 3-1 kontra Atalanta fil-Mapei Stadium. Iżda minflok ċelebrazzjoni tat-tragward li laħaq, Schembri għażel li ma jiċċelebrax. Dak il-gowl wasal tlett ijiem wara li Malta kienet maħsuda bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalhekk b’sinjal ta’ rispett, Schembri ma feraħx għaliex jemmen li “bħala futboler inkun ‘role model’ ukoll kif ukoll ridt ngħaddi sinjal lill-politiċi.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-livell tal-futbol Malti

Dak li għamel Andrè Schembri fil-karriera tkompli tkun kisba kbira minħabba li l-livell tal-futbol Malti baqa’ baxx. Matul is-snin speċjalment riċentament, Schembri għadda diversi kummenti li ħallew il-marka tagħhom. F’ċertu aspetti, hu jista’ jitqies li kien katalist biex ċertu affarijiet bdew jiċċaqalqu. Hu jqis li f’ċertu aspetti kien hemm tibdiliet u semma eżempju żgħir meta ġiet irranġata d-dressing room biex tagħti aktar xejra professjonali. “Il-problema tagħna hi li għadna mentalità kolonjali u naħsbu li għax għadna żgħar ma nistgħux naslu. It-teorija kisruha l-Iżlanda għax pajjiż żgħir u għamluha.”

Fis-sajf li għadda, saret l-elezzjoni għall-kariga ta’ President tal-MFA, elezzjoni intensa u li tat tama li l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Schembri kkonferma li kellu diskussjonijiet kemm ma’ Bjorn Vassallo kif ukoll ma’ Chris Bonett qabel l-elezzjoni. Minn wara l-20 ta’ Lulju, Schembri kompla li għadu qatt ma tkellem mal-President elett fuq il-livell tal-futbol Malti. Wieħed mill-akbar proġetti ta’ Vassallo hu li jkun hemm tim Malti fis-Serie C. Schembri għandu opinjoni u żvela xi ħaġa interessanti. “L-idea tas-Serie C togħġobni. Darba kont għidtlu b’din l-idea u dejjem kienet f’moħħu li jagħmilha. Rajna wkoll pajjiżi oħra li pruvawha u rnexxiet.”

Jekk dan il-pjan iseħħ, se jkun hemm numru ta’ plejers Maltin li jħallu pajjiżna, bil-konsegwenza li l-klabbs Maltin qed jitlobu li jżidu l-plejers barranin bħala kumpens. Schembri ma tantx jaqbel ma’ dan il-ħsieb għaliex skont hu l-livell ta’ ħafna mill-barranin mhux għoli. Hu aktar favur li l-klabbs ikunu aktar attivi biex inaqqsu l-barranin u jżidu l-amministraturi impjegati biex imexxu l-klabb b’aktar professjonalità. Mal-eks plejer ta’ Hibernians u Marsaxlokk fost l-oħrajn, tkellimt ukoll dwar l-importanza li l-Gvernijiet jgħinu biex l-isport jingħata aktar importanza. Hu jsostni li l-Gvernijiet għenu imma ovvjament li mhux biżżejjed. Bl-aktar mod ċar qal li ma tantx jiġu voti minn dan is-settur u għalhekk iżomm lura lil min jieħu d-deċiżjonijiet.

Il-futur ta’ Andrè Schembri

Issa li rtira minn plejer, x’inhu l-futur ta’ Andrè Schembri? “Bħalissa qed naħdem fuq proġett biex niżviluppaw u noffru servizz biex plejer ikollu karriera u jirnexxi.” Il-futur ta’ Schembri hu fil-linja tal-kowċing għaliex jemmen li jkun jista’ jinfluwenza aktar. Dan il-proġett mistenni jibda f’Ċipru fejn bħalissa għandu l-Liċenzja B tal-UEFA u qed isegwi Degree fix-Xjenza Sportiva fil-Futbol. Jiġifieri Andrè Schembri tkellem tant fuq il-livell tal-futbol Malti u mhux se jkun f’pajjiżna? “Ma għandiex għalfejn inkun Malta biex ngħin. Għint lil Etienne Barbara biex jitlaq minn Malta u lil Steve Borg biex jiġi Ċipru. Nibqa’ ngħin lill-pajjiżi dejjem.”