Tissokta l-inċertezza fost l-istudenti hekk kif ma jafux meta dawn se jagħmlu l-eżamijiet tagħhom tal-MATSEC. Permezz ta’ stqarrija għadd ta’ Kunsilli tal-istudenti flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jipproponu li sa issa, l-eżamijiet ikunu posposti bejn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat wara d-dati li suppost kellhom isiru.
Fi stqarrija, il-KNŻ qal li bagħat email lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici bil-proposti tal-istudenti fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus. Il-KNŻ kkonsulta mal-kunsilli tal-istudenti tal-Università, tal-G.F. Abela Junior College, ta’ San Alwiġi, ta’ De La Salle, ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary, tal-MCAST, u tal-ITS.
Dawn l-istess studenti lmentaw ukoll li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, fejn l-istudenti jridu jistudjaw f’mumenti li xejn ma huma faċli. Għalhekk huma talbu lill-awtoritajiet għall-gwida u direzzjoni u mhux inċertezza.
L-għaqdiet iridu li l-eżamijiet kollha jsiru sa tliet ġimgħat wara minn meta kellhom isiru bil-possibilità li d-data tkompli riesqa lura kif ikun meħtieġ. Qalu li huwa important li jiġi assigurat li jkun hemm biżżejed żmien għar-resits u biex wieħed ikun jista’ japplika biex jidħol f’istituzzjoni oħra bħall-Univeristà.
Intqal ukoll li l-eżamijiet orali għandhom isiru wara li jsiru l-eżamijiet tal-kitba. Ipproponew li jekk jittardjaw l-eżamijiet, is-sena akkademika tal-edukazzjoni terzjarja tal-2020-2021 għandha tibda u tispiċċa aktar tard mis-soltu.
Intant onlajn bdiet petizzjoni minn grupp ta’ studenti fejn anki ġew mgħoddija numru ta’ proposti li l-MATSEC għandha tikkunsidra fost l-oħrajn biex din l-istituzzjoni tieħu numru ta’ metodi li ġew introdotti fl-aħħar jiem fir-Renju Unit, fost oħrajn li l-marka finali ma tkunx biss tiddependi fuq eżami wieħed iżda fejn hu possibbli jiddieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħal pereżempju jingħataw aktar prijorità -‘l assignments.
Saret wkoll talba mill-istudenti Terzjarji, inkluż dawk tal-Università biex tittieħed inkunsiderazzjoni li preżentament l-istudenti jinsabu taħt stess, mhux biss minħabba l-eżamijiet iżda wkoll dwar dak kollu li għaddej madwarna, u għalhekk huma wkoll jeħtieġu gwida ta’ x’se jiġri.
//= $special ?>