Lokali

L-agħar virus hu dak tal-arroganza tal-Gvern

– Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-agħar virus li għandu l-pajjiż hu l-arroganza tal-Gvern.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassalo qal li l-Oppożizzjoni taqbel li numru ta’ poteri li kellhom il-ministri, issa jgħaddu għand iċ-Ċivil. Hu tkellem fuq l-importanza tas-separazzjoni tal-poteri u qal li l-pajjiż fadallu ħafna x’iwettaq dwar il-kontabbiltà.

L-Oppożizzjoni trid iktar separazzjoni tal-poter u ma taqbilx li jkun il-Gvern li jiddeċiedi kollox hu. Flok indipendenza llum hawn dipendenza ta’ min suppost qed jiskurutinizza lill-gvern. Anki l-Moneyval u l-Kummissjoni Venezja imponew fuq il-Gvern bidliet importanti biex il-gvern ma jibqax suprem fuq kull deċiżjoni.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-każ tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u qal li minkejja l-proposti li saru, xorta se jkun l-gvern li se jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija. Jeħtieġ amministrazzjoni u Ċivil indipendenti mill-Gvern li jattwaw il-policy tal-ministru iżda li ma jkunx bin-nies tal-ministru f’kull taqsima.

Hu qal li l-Gvern ilum għandu kontroll assolut taċ-Ċivil u sostna li hemm ukoll ħaddiema Nazzjonalisti li magħhom għadhom isiru vendikazzjonijiet; dan iż-żmien missu ilu li spiċċa.

Id-deputat Nazzjonalist qal li mhux tajjeb li l-politiċi jkunu pupazzi f’idejn min irid il-poter akkost ta’ kollox. Il-poplu mhux qed jiħi mgħejjun biex jerġa’ jibqa’ jaħdem meta tgħaddi l-kriżi; in-nefqa ta’ €1.8 biljun m’għadhiex tkun ikkunsidrata bħala spiża iżda bħala investiment.

Il-Gvern qed jonqos mir-responsabbiltà tiegħu li jinvesti u għandu jikkunsidra n-nefqa alternattiva u mhux dik ta’ bħalissa. Il-Gvern m’għandux l-abbiltà li jħares lejn il-futur u qed iġib ruħu b’mod differenti minn dak li qed jagħmlu gvernijiet oħra.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern ma jistax iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex il-Gvern rabat idejh mal-Electrogas biex xi ħadd idaħħal €5,000 kuljum. Hu semma’ l-korruzzjoni fil-każi tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals u Steward; dan hu l-prezz tal-korruzzjoni meta l-Gvern issa m’għandux l-isptarijiet biżżejjed biex jużahom fil-kriżi li għandu l-pajjiż.

Edwin Vassallo kkritika l-ammont kbir ta’ art agrikola li l-Gvern se jieħu fil-Magħtab biex jagħmel miżbla.