Coronavirus Internazzjonali

New York b’5% tal-każi Covid-19 fid-dinja

Ritratt ta' Times Square fi New York qabel il-miġja tal-Covid-19
L-Istat ta' New York vittma ta' Covid-19

Il-pandemija COVID-19 qed tinfirex malajr fl-Istat ta’ New York, fejn sal-aħħar rapporti kollox jidher li kien hemm aktar minn 15,700 każ u 117 imwiet.

Filwaqt li ssoktaw l-appelli biex in-nies jibqgħu ġewwa, il-gvernatur ta’ New York Andrew Cuomo ħabbar li l-każijiet fl-Istat tiegħu issa jammontaw għal madwar 5% tal-każijiet ikkonfermati ta’ COVID-19 globalment.

Fl-aħħar sigħat kien hemm iktar minn 8,000 każ ikkonfermat fil-Belt ta’ New York biss, infatti s-sindku tal-Belt Bill de Blasio tenna s-sejħiet lill-Gvern Federali għall-għajnuna.

U minkejja l-kritika li qala’ mingħand iċ-Ċina, il-President Amerikan, Donald Trump, kompla bir-retorika tiegħu li jsemmi l-Coronavirus bħala l-virus Ċiniż. Dan fi tweet waqt li kien qiegħed jawgura fejqan ta’ malajr lis-Senatur Amerikan, Rand Paul, l-ewwel Senatur ittestjat pożittiv għall-COVID-19.