Coronavirus Formula 1 Sport

Posposta wkoll il-Grand Prix tal-Ażerbajġan

(Ritratt: EPA)

Il-Grand Prix tal-Ażerbajġan skedata għas-7 ta’ Ġunju, sofriet ukoll id-destin tat-tlielaq ta’ qabilha hekk kif tħabbar uffiċjalment mill-organizzaturi li ġiet posposta. L-uffiċjali taċ-ċirkwit qalu li l-posponiment ġie maqbul wara diskussjonijiet estensivi mal-Formula 1, l-FIA u l-Gvern tal-Ażerbajġan.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara gwida mill-esperti minħabba t-tixrid tal-coronavirus. It-tħassib ta’ Baku City Circuit hi s-saħħa tal-poplu tal-Ażerbajġan flimkien ma’ dawk kollha li kienu se jżuru l-pajjiż f’dik il-ġimgħa. Huma ħabbru li se jkomplu jaħdmu ma’ dawk involuti biex iħabbru data ġdida għal aktar tard fis-sena. Il-biljetti kollha għal din it-tellieqa se jibqgħu validi u mat-tħabbira tad-data l-ġdida, l-ispettaturi se jkunu nfurmati.

B’hekk din it-tellieqa saret it-tmien waħda li ġiet posposta jew ikkanċellata wara t-tlielaq tal-Awstralja, il-Bahrain, iċ-Ċina, il-Vjetnam, l-Olanda, Spanja u Monaco. B’dan it-tibdil, l-ewwel Grand Prix skedata sa issa hi dik tal-Kanada fl-14 ta’ Ġunju.