Internazzjonali

Spanja: L-imwiet mill-coronavirus jaqbżu l-2,000…bil-ħaddiema tas-saħħa jġarrbu l-agħar tal-pandemija

L-imwiet mill-coronavirus fi Spanja qabżu l-2,000, bl-uffiċjali jikkonfermaw li hemm kważi 4,000 ħaddiem infettat fil-qasam tas-saħħa – jiġifieri aktar minn wieħed f’kull għaxra tal-każi kkonfermati.

Dan meta Spanja qed tagħmel li tista’ biex tikkontrolla ċ-ċifra tal-mejtin u l-infettati, bħala t-tieni l-agħar pajjiż Ewropew affettwat mill-kriżi.

It-tobba, l-infermiera u ħaddiema oħra tas-saħħa fi Spanja —  l-istess bħas-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra – mhumiex jingħataw biżżejjed kits ta’ protezzjoni biex jagħmlu xogħolhom. Fil-fatt, l-awtoritajiet u l-kumpaniji qed jippruvaw jimmanifatturaw, jixtru u jiddistribwixxu aktar minn dan it-tagħmir protettiv għall-ħaddiema.

L-uffiċjal Spanjol ikarigat mill-emerġenzi tas-saħħa. Fernando Simon, qal li d-data f’idejhom qed tinkwetahom ‘meta hemm mat-3,910 ħaddiema affettwati’.

Il-każi ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fi Spanja telgħu minn 28,572 każ, nhar il-Ħadd, għal 33,089. Intant, il-ħaddiema tas-saħħa jagħmlu tajjeb għal kważi 12 fil-mija mit-total tal-persuni infettati f’dan il-pajjiż.

L-imwiet mill-Covid-19 issa huma stabbiliti mal-2,182 (462 fatalitajiet aktar minn tal-Ħadd) – b’87 minn dawk li mietu jkollhom minn sebgħin sena ‘il fuq.

Il-Viċi-Prim Ministru ta’ Spanja, Carmen Calvo, intant, qed tistenna r-riżultati wara li qabditha infezzjoni fis-sistema tan-nifs u meta ma kienx eskluż li hi tista’ qed tbati bil-coronavirus.

Żewġ Ministri oħra Spanjoli u l-mara tal-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, ukoll testjaw pożittiv għall-coronavirus fl-aħħar ġimgħat.

Spanja qed tħejji biex, minn għada, tikkonferma estensjoni għal lockdown nazzjonali u li għandu jdum sal-11 ta’ April. Id-direttiva jonqosha l-approvazzjoni mill-Parlament f’Madrid u Simon qal li ‘issa mhux iż-żmien biex in-nies iżommu lura milli jirrispettaw ir-regoli u joħorġu mid-dar għal raġunijiet oħra għajr biex imorru għax-xogħol u jixtru l-ikel jew jinqdew mingħand l-ispiżjar.