Coronavirus Lokali Saħħa

3 każi biss irreġistrati fl-aħħar 24 siegħa

Is-Supretendent tas-Saħħa tappella "Ejja ma ninterpretawx ħażin dawn iċ-ċifri. Għadna 'l bogħod milli tieqaf il-kriżi. Nibqgħu insegwu d-direttivi tal-awtoritajiet"

Huma tlieta l-każi ġodda rreġistrati fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna. Dan huwa l-anqas numru ta’ każi rreġistrati f’temp ta’ 24 siegħa fl-aħħar jiem, biex issa l-ammont ta’ każi f’Malta u f’Għawdex tela’ għal 110.

Dan ħabbritu l-Professur Charmaine Gauci, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjegat li l-każi pożittivi rriżultaw minn 292 test.

Madankollu, is-Suprintendent wissiet li n-numru baxx ma jfissirx li għandha titnaqqas il-viġilanza ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda li l-metodi ta’ kontroll jibqgħu fis-seħħ.

Dawn l-aħħar tliet każijiet irrappurtati kienu kollha impurtati.

L-ewwel każ kien ta’ mara Maltija ta’ 20 sena li kienet tgħix Londra u li waslet f’pajiżna fit-18 ta’ Marzu. Hi qagħdet fi kwarantina fid-dar tal-familja tagħha u ħasset is-sintomi fit-22 tax-xahar.

Każ ieħor kien ta’ mara Maltija oħra ta’ 20 sena, li marret l-Ingilterra flimkien ma’ għadd ta’ studenti oħrajn u rritornat fid-9 ta’ Marzu. Bħala studenta tal-Università, hi attendiet għal lecture l-għada li waslet u lejlet li ħarġulha s-sintomi.

U t-tielet każ hu ta’ raġel Amerikan ta’ 49 sena, li jgħix Malta, u li kien l-Awstrija sal-14 ta’ Marzu. Mal-wasla tiegħu, hu qagħad kwarantina fil-preżenza ta’ persuna oħra li tgħix miegħu, filwaqt li ħass is-sintomi fit-18 tax-xahar.

Il-Professur Gauci ċċarat li dawn it-tliet każijiet – bħall-oħrajn – jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa.

Min-naħa tiegħu, il-pazjent ta’ 61 sena li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva għadu f’qagħda instabbli u qed jingħata t-trattamenti kif meħtieġ, fosthom anke b’testijiet mediċi barra li qed ikunu analizzati barra minn xtutna.

Mistoqsija dwar is-sejħa li saret għall-bini ta’ sptar modulari, Charmaine Gauci qalet li dan qed isir bħala preparament f’każ li jkun hemm bżonn it-trattament ta’ aktar pazjenti bil-Covid-19. Hi qalet li sptar bħal San Luqa peress li ilu ma jintuża u għandu bżonn ħafna xogħol, kien se jiswa aktar flus biex jitranġa milli kieku jinbena dan it-tip ta’ sptar modulari.

Dwar healthcare workers li qed jaħdmu f’diversi sptarijiet u li għadhom mingħajr PPEs jew ilbies protettiv għall-ħaddiema, Gauci qalet li qed isir training lill-ħaddiema f’każ li jkollhom kuntatt ma’ pazjent pożittiv. Hi qalet li ħaddiema li qegħdin f’kuntatt ma’ pazjenti li qegħdin fi kwarantina m’għandhomx bżonn PPE.

Dwar strateġija li se tkun qed tintuża fil-ġimgħat li ġejjin, Charmaine Gauci qalet li mat-80% tal-pazjenti tal-Covid-19 ikunu jistgħu jibqgħu id-dar tagħhom stess, bl-20% l-oħra jkollhom bżonn kura l-isptar.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li t-testijiet li qed isir fil-privat huma simili għal dawk li qed isiru mill-Awtorità tas-Saħħa.

Dwar ħaddiema mill-qasam tal-mediċina li jistgħu jerġgħu jidħlu jagħtu sehemhom, hija qalet li l-enfasi qed issir fuq ħaddiema aktar żgħażagħ f’dan il-qasam.

Dwar il-multi, hi spjegat li l-multa ġdida ta’ €10,000 tapplika għall-persuni li għandhom il-virus u li jinqabdu mhux qegħdin fi kwarantina kif suppost.

Gauci reġgħet tenniet l-appell biex ma nħallux lil din iċ-ċifra ttina serħan tal-moħħ li mhux neċessarjament huwa ġġustifikat u li għandna nibqgħu nillimtaw kemm jista’ jkun il-ħruġ tagħna, kif ilhom jgħidulna l-awtoritatjiet tas-saħħa.