Lokali

Ċiklist iweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku

Ċiklist ta’ 46 sena residenti n-Naxxar kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’emerġenza wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4.30p.m. fi Triq is-Salina fil-limiti tan-Naxxar stess.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li minn investigazzjonijiet preliminari mill-Pulizija tad-Distrett ġie stabbilit li seħħet ħabta bejn rota misjuqa mill-vittma u vettura tal-għamla Mercedes Benz misjuqa minn raġel ta’ 51 sena residenti l-Iklin.

Tim mediku issejjaħ fuq il-post u wara li ta l-ewwel għajnuna, ħa liċ-ċiklist fl-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn iktar tard kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.