Coronavirus Ekonomija Lokali

Ebda tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma; introdotta għotja ta’ €800

"Kemm jien kburi" - Robert Abela jgħid li minn surplus se mmorru għal defiċit

Fl-aħħar ħin il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza stampa f’lukanda fil-Furjana fejn ħabbar it-tielet pakkett b’rabta mal-kriżi tal-Coronavirus f’Malta.

Iż-żewġ pakketti l-oħra mħabbra mill-Prim Ministru fl-aħħar jiem affaċċjaw ħafna kritika minn numru ta’ korpi kostitwiti.

“F’dan il-pakkett li hu sejjaħ ‘aggressiv’ mhux qed nikkunsidraw li innaqsu l-kontijiet”, stqarr Robert Abela.

Hu stqarr ukoll li “garanzija li mhu se jitkeċċa ħadd ma nistax nagħtiha”

Dawn il-miżuri li tħabbru minn Robert Abela hu stmat li se jiswew bejn 65 u 70 miljun ewro kull xahar; ferm anqas mill-1.8 biljun li kien semma’ l-istess Prim Ministru ftit tal-jiem ilu għall-pakkett ta’ qabel.

Fil-pakkett imħabbar, dawk li jaħdmu full-time u li l-post tax-xogħol tagħhom qed jintlaqat minħabba din il-pandemija tal-Covid-19 se jieħdu €800, filwaqt li dawk part-time se jieħdu €500.

Mistoqsi minn NET NEWS, il-Prim Ministru preċiża li din iċ-ċifra ta’ €800 se tingħata lill-imprendituri u mhux lill-ħaddiema direttament.

Il-persuni li se jieħdu dawn il-fondi huma dawk li fl-aħħar jiem ġew milquta b’mod drastiku mill-impatt tal-pandemija, fosthom is-settur turistiku u dawk l-industriji li kellhom jagħlqu temporanjament.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Robert Abela irrepeta dak li ilu jgħid ġranet sħaħ fejn qal li “illum ninsabu fi gwerra kiefra”.

Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru ma ta ebda garanziji li mhux se jintilfu impjiegi.

Abela qatta’ nofs il-konferenza tal-aħbarijiet jirrepeti dak li diġa’ konna nafu, u insista li hu “iħossu kburi”. Għalkemm kellu jammetti li issa bħala pajjiż minn surplus se mmorru għal defiċit, filwaqt li stqarr ukoll li se jkollu jiddejjen biex idaħħal ċertu għajnuniet.

Intant, mistoqsi dwar dan il-pakkett ta’ għajnuna l-Prim Ministru naqas milli jikkommettu ruħu li dan effettivament hu l-aqwa pakkett li tressaq mill-pajjiżi Ewropej.

Quddiem din il-kriżi, Robert Abela qal li lest joffri salarju ta’ xahar.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-fatt li l-Isptar St. Luke’s fl-eqqel ta’ din il-kriżi ma jistax jintuża, Robert Abela wieġeb li għalissa poġġa l-iskandlu tal-isptarijiet fuq il-backburner.