– Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkritika l-fatt li l-Gvern se jkollu jagħmel sptar fabbrikat u insista li ħadd m’għandu japprofitta mis-saħħa tal-poplu f’dan il-mument ta’ kriżi tal-corona virus.
Fil-parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni trid li l-liġi dwar is-saħħa tkun aħjar u għalhekk qed tipproponi emendi. Hu rrikonoxxa l-ħidma li qed twettaq il-Professur Charmaine Gauci u s-settur mediku kollu.
Hu staqsa jekk hemmx il-ħsieb li t-tobba li qed jagħtu servizz hux se jkunu kuntrattati mill-Gvern u jekk dawn hux qed ikunu pprovduti l-apparat ta’ protezzjoni; partikolarment fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Dwar is-sodod, Adrian Delia qal li hu essenzjali li l-pajjiż ikollu n-numru ta’ sodod biżżejjed u spjega li l-pajjiż jista’ jkollu bżonn 6,000 sodda li minnhom ikun hemm bżonn 2,500 sodda fl-ITU.
Hu qal li l-Ministru Fearne ma sabx l-Isptar San Luqa bl-460 sodda mwiegħda u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’450 sodda oħra lesti.
Għalhekk il-Ministru għandu s-sitwazzjoni strinġenti fuqu. Din is-sena l-pajjiż ħallas €70 miljun li Steward iżda l-Gvern ta €35 miljun biss għall-ħtiġijiet tas-saħħa f’dan il-mument.
Is-€70 miljun qed jinħlew u qed jingħataw lil xi ħadd li mhux qed iżomm l-obbligi tiegħu ta’ turiżmu mediku u ta’ sodda u faċilitajiet ġodda. Il-Gvern seta’ kellu 800 sodda lesta li jintużaw għall-poplu Malti biex ma jkunx hawn rati ta’ infezzjoni ogħla minn ta’ pajjiżi oħra.
Hu qal li l-marda tinsab fil-pajjiż u se tinfirex u staqsa jekk u l-Gvern tkellimx ma’ Steward u jekk huma hux se jipprovdi l-apparat lill-poplu Malti. Il-poplu għandu jkun jaf x’qed jagħtu lura Steward fis-siegħa tal-prova.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern issa ħareġ offerta għal sptar fabbrikat li għandu jsir jekk il-pajjiż għandu bżonnu; lil hinn minn kull argument ieħor. Hu staqsa kif, jekk il-Gvern ilu jaf 75 ġurnata li l-marda qed tinfirex, għaliex l-offerta għal dan l-isptar fabbrikat qed tinħareġ illum u qed jingħata tliet ijiem biss biex l-offerta tkun sottomessa. Jeħtieġ li ma jkunx hawn persuna waħda li f’din is-siegħa tal-prova tapprofitta ruħha minn fuq is-saħħa tal-poplu; din tkun immoralità li ma tinħafer qatt mill-poplu.
Dwar l-ittestjar, Adrian Delia qal li l-Gvern ftaħar bil-blockchain u l-intelliġenza artfiċjali u sostna li Malta tista’ tkun pajjiż li fih il-Gvern ikollu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-persuni. Dan jiswa €8 kull persuna; €5 miljuni f’total. Hu qal li għall-ewwel darba tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela dwar is-sitwazzjoni preżenti u sostna li l-Oppożizzjoni lesta tgħin.
Hu tkellem dwar it-trasport u qal li issa li dan naqas, jista’ jsir servizz biex ma jkunx hemm iffullar fejn għandu jintuża wkoll is-settur privat. Dwar l-ikel, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għandu jkun hemm kooperazzjoni biex ma jkunx hemm ħela ta’ ikel. Il-pajjiż jista’ jittrasforma wkoll l-informazzjoni li għandu f’dan ir-rigward.
Adrian Delia tkellem dwar is-saħħa mentali u qal li f’dan il-mument il-piżijiet ikunu itqal. Jeħtieġ attenzjoni għall-persuni bil-piż tan-negozju minħabba l-ansjetà u d-dipressjoni ta’ persuni li jkunu se jitilfu x-xogħol; kien hemm pajjiżi li ggarantew li l-ebda impjieg mhu se jintilef.
Il-Gvern għadu m’għamilx din id-dikjarazzjoni, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li appella biex kulħadd jgħeleb il-biża’ flimkien billi kulħad jobdi l-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. It-triq hi iebsa u twila u ma nafux kemm se tkun twila u iebsa, sostna Adrian Delia.
//= $special ?>