Lokali Qorti

Ħames snin ilu Rumen kien mar seba’ snin ħabs wara li weġġa’ Sudaniż li spiċċa biex tilef ħajtu

Bħal lum ħames snin ir-Rumen Antonel Dobre kien ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li għadda ġuri fil-Qorti Kriminali ta’ Malta. Bi tmien voti favur u wieħed kontra Dobre nstab ħati li fl-2012 ikkaġuna ferita gravi segwita bil-mewt tal-immigrant Sudaniż Osama Al Shażliay Saleh f’Paceville.

Il-ġurati komposti minn seba’ rġiel u żewġ nisa, waqt il-verdett tagħhom qalu li filwaqt li kienu qegħdin isibu lill-imputat ħati tar-reat, dan iżda huwa wieħed skużabbli minħabba li kien ipprovokat mill-vittma.

Permezz tal-Avukat tiegħu, sar magħruf li Dobre mistenni jappella mill-piena mogħtija. B’seba’ voti kontra tnejn Dobre, ir-Rumen li ħames snin ilu kellu 29 sena nstab ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Il-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom wara kważi seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni.

L-Avukat Roberto Montalto ta’ Dobre kien qal li qabel mal-każ spiċċa ġuri, li hu kien tkellem mal-Avukat Ġenerali biex isir ftehim dwar ammissjoni u Dobre jmur erba’ snin ħabs wara li kkonsulta mal-akkużat. Qal li l-verdett hu wieħed ċar li kieku ma kienx hemm provokazzjoni, kieku dan l-inċident ma kienx iseħħ.

L-Avukat Montalto qal li l-verdett jagħti responsabbiltà minima lill-akkużat u li erba’ snin huma twal ħafna għal inċident li bdieh il-vittma. Qal li l-ġurati wrew xi jridu u li dan hu verdett ta’ tmien persuni li appoġġjaw il-każ tad-Difiża. Qal li wieħed ma jistax jargumenta li f’dan il-każ wieħed ma jistax japplika l-minimu tas-sentenza għax mietet persuna.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Larry Formosa, li kien qed jidher bħala parti ċivili fil-każ, ma qabilx u qal li fil-każ ta’ Dobre l-provokazzjoni ma tfissirx li wieħed għandu jmur għal minimu tas-sentenza.  

L-Avukat Montalto wieġeb billi kien qal li dak li qalet il-parti ċivili hu insult għalih personali minħabba l-involviment tiegħu biex Dobre jiġi Malta, li min-naħa tiegħu diġà kellu l-biljett tal-ajru lest biex jiġi lura. Saħaq li Dobre ġie Malta biex jiffaċċa l-Ġustizzja u għal dan l-att messu jiġi ppremjat billi s-sentenza tinżel għal taħt il-minimu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Kevin Valletta u Nadia Attard. Il-ġuri kien instema mill-Imħallef Antonio Mizzi, li kien qed jippresidi l-ewwel ġuri tiegħu  Il-każ kien seħħ fis-17 ta’ Marzu 2012 meta Dobre kkaġuna ferita gravi lis-Sudaniż Osama Al Shażliay Saleh, li kellu 24 sena.

Mis-seba’ snin priġunerija jrid jitnaqqas iż-żmien li r-Rumen għamel taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Nadia Attard, filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Roberto Montalto.