Coronavirus Sport

Il-coronavirus iħalli effett ukoll fuq l-Olimpjadi … qbil biex ikunu posposti għas-sena d-dieħla

(Ritratt: EPA)

Il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzō Abe u l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qablu dwar il-posponiment b’sena tal-Olimpjadi ta’ Tokyo Dan seħħ wara kuntatt bit-telefon. It-tnejn li huma qablu li jimbuttaw il-Logħob għas-sena 2021. Dan jimmarka l-ewwel darba li l-Olimpjadi jkunu ġew posposti.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Ġappun ikkonferma li wara t-taħdidiet telefoniċi mal-President tal-KOI Bach, il-Prim Ministru Abe tkellem mal-istampa u spjega li t-tnejn qablu li l-Logħob Olimpiku ta’ Tokyo ma jiġux ikkanċellati, u li l-Logħob se jsiru sas-sajf tal-2021.

L-agenzija tal-aħbarijiet Kyodo irrapportat li l-President tal-Kumitat Organizattiv Yoshirō Mori, il-Gvernatur ta’ Tokyo Yuriko Koike u l-Ministru għall-Olimpijadi tal-Ġappun, Seiko Hashimoto, ngħaqdu fit-telekonferenza. Qabel il-konferenza, Hashimoto appella biex il-KOI jpoġġi lill-atleti l-ewwel. “Hija t-tama tagħna li l-KOI jisma’ sewwa l-ilħna tal-atleti u jeħodhom f’konsiderazzjoni biex jiddeċiedu meta hu l-aħjar ħin biex isiru l-Logħob,” irrappurtat l-Agenzija Kyodo.