Lokali Parlament

Il-Gvern għandu l-poter li jieħu l-isptarijiet li ta lil Steward

– Jason Azzopardi, PN

Bil-poteri ġodda li hemm fil-Liġi dwar is-Saħħa Pubblika, il-Gvern issa għanu l-poter li jieħu lura l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dan sostnieh id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-parlament fejn qal li n-nies ma jistgħux jemmnu li l-Gvern se jinvesti ħafna miljuni ta’ ewros biex jibni sptar fabbrikat għal 90 sodda meta suppost li Steward lestew l-isptarijiet ta’ San Luqa u Karin Grech.

Din hi tal-mistħija u issa l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli fil-kontinwità li jagħti €190,000 kuljum lil Steward meta dawn m’għamlu l-ebda investiment.

Hu sostna li dan hu l-prezz tal-korruzzjoni; li għandha prezz politiku, morali u soċjali. Issa l-poplu se jkollu jixtri sptar fabbrikat flok juża’ sptar tal-poplu għax Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi taw lil Steward u Vitals l-isptarijiet u l-poplu ma ħa xejn lura.

Il-Gvern issa għadda emenda għal-Liġi dwar is-Saħħa li tagħti poteri lill-Prim Ministru li jieħu propjetà każ ta’ emerġenza pubblika. Jason Azzopardi sfida lill-Prim Ministru biex jiddikjara jekk hux lest li issa jieħu l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak Ġenerali ta’ Għawdex mingħand Steward.

Il-Gvern jista’ wkoll jesproprija dawn l-isptarijiet li hu ta għal 99 sena lil Vitals biex Ram Tumuruli ħa bonus ta’ €5 miljuni biex issa se jinbena sptar fabbrikat ħdejn Mater Dei minflok jintuża l-Isptar San Luqa. Hu semma’ wkoll il-kawża tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex dak il-kuntratt jaqa’ għal dak hu kuntratt korrott u qal li din se tintrebaħ.