Coronavirus Lokali Turiżmu

“Il-miżuri l-ġodda jġeddu t-tama għall-futur” – MHRA

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) bi pjaċir qed tinnota l-miżuri mħabbra fit-tielet pakkett tal-Prim Ministru biex itaffu l-kriżijiet ekonomiċi kkawżati mill-pandemija globali tal-COVID-19 u temmen li dawn se jgħinu s-settur tat-turiżmu u l-ospitalità waqt din it-tempesta.

Fi stqarrija l-MHRA qalbet li “dan isegwi rappreżentazzjoni kontinwa u persistenti mill-MHRA” li kienet qalet li l-għotja ta’ €320 għall-ispiża tal-pagi sempliċement ma kinitx biżżejjed u kellha tiġi riveduta b’mod sinifikanti.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra afferma li, “Aħna sodisfatti li s-sejħiet tagħna lill-Gvern għal reviżjoni nstemgħu u li kien lest li jmur lura għat-tfassil magħna biex niżguraw il-benesseri tal-ekonomija.”

L-istqarrija kompliet tgħid li l-miżuri mħabbra huma r-riżultat ta’ sigħat twal ta’ medjazzjoni mal-partijiet interessati kollha u fuq kollox sens ta’ rieda tajba mill-partijiet kollha involuti.

Tony Zahra ddikjara li, “f’dawn iż-żminijiet aħna lkoll irridu nkunu magħqudin u nużaw l-għarfien, l-esperjenza u l-isforzi kollettivi tagħna lejn wieħed mill-għedewwa komuni, imsejjaħ COVID 19. Dak li qed ngħixu llum hija sitwazzjoni straordinarja iżda rridu nżommu f’moħħna li hija waħda temporanja li definittivament se tħalli marka qarsa fuqna lkoll imma hemm futur li nħarsu ‘l quddiem li gradwalment iwassluna lura fejn konna. “

F’isem l-MHRA, Tony Zahra esprima l-gratitudni għall-ħidma u d-dedikazzjoni li wrew matul il-jiem li għaddew Robert Abela, il-konsulenti tiegħu, il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, uffiċjali fil-Ministeru tat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-imsieħba soċjali kollha tal-MCESD.

Il-President tal-MHRA, afferma wkoll li, “Dan għadu mhux it-tmiem, u definittivament se jkun hemm aktar sfidi biex niffaċċjaw fil-jiem u x-xhur li ġejjin, madankollu ninsabu fiduċjużi li investiment fl-industrija tat-turiżmu tagħna llum se jaħsad il-frott meta żgur li wasal iż-żmien li nerġgħu nerġgħu nibdew l-ekonomija tagħna. “