Coronavirus Sport

Id-deċiżjoni dwar il-posponiment tal-Olimpjadi hi konformi mas-sentimenti tal-Kumitat Olimpiku Malti

B’reazzjoni għall-aħbar tal-posponiment tal-Olimpjadi, il-Kumitat Olimpiku Malti laqa’ din id-deċiżjoni. Fi stqarrija, il-KOM qal li d-deċiżjoni ttieħdet fl-aħjar interess tas-saħħa tal-atleti u l-pubbliku ġenerali f’dan il-perjodu. “Din id-deċiżjoni hi konformi mas-sentimenti tal-Kumitat Olimpiku Malti li għalihom is-saħħa u l-benessere tal-atleti tagħna jiġi l-ewwel u qabel kollox.”

Il-Kumitat Olimpiku Malti wera solidarjeta mal-atleti kollha madwar id-dinja li kienu diġà kkwalifikaw kif ukoll ma’ atleti oħra li tħarrġu għal diversi sigħat. Il-KOM ħeġġeġ lill-atleti u lill-pubbliku biex isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jagħtu l-kontribut fil-kontroll kontra t-tixrid tal-coronavirus.

Il-posponiment ta’ dawn il-Logħob, iħalli effett ukoll fuq il-preparazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti u uħud mill-atleti. Minbarra atleta mill-għawm u l-atletika bħala postijiet universali (kieku kienu jitħabbru f’Ġunju li ġej), kien hemm possibbiltà li jkun hemm aktar atleti.

Il-kompetizzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni li kien għad fadal f’diversi dixxiplini, setgħu jiddeterminaw aktar postijiet Maltin fl-Olimpjadi. Fost dawk li għadhom b’ċans, hemm it-tiratur William Chetcuti fit-trap u Eleanor Bezzina fl-10 metri Air Pistol, il-judoka Jeremy Saywell u Yazmin Zammit Stevens fil-weightlifting. Din l-aħbar affettwat ukoll lill-atleti paralimpiċi li wkoll għaddejjin bil-preparazzjoni biex jiksbu post f’Tokyo.